Lokali

“Meta nwarrbu l-lingwa Maltija nibgħatu messaġġ ħażin”

“Il-linja tal-ajru kellha bżonn tibdiliet sostanzjali – tibdiliet li għadhom ma sarux. Iżda minflok abbandunat il-lingwa Maltija”

Dan kien il-messaġġ ewlieni fl-editorjal tal-Ġimgħa fil-ġurnal ‘The Malta Independent’ hekk kif fl-aħħar jiem feġġet rabja kbira għall-fatt li l-lingwa Maltija m’għadhiex waħda mir-rekwiżiti sabiex wieħed jingħaqad mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida.

Kelliem għall-kumpanija KM Malta Airlines kien qal li din id-deċiżjoni ttieħdet għaliex assumew li 80% tal-klijenti mhux se jkunu Maltin – b’Robert Abela prova jnessi din id-deċiżjoni hekk kif qal li fuq l-ajruplan irid ikun hemm persuna waħda li tkun titkellem bil-lingwa Maltija. Pass li ovjament, mhux biżżejjed.

L-editur qal li huwa diżappunt kbir kif qed titmexxa din il-linja tal-ajru għaliex deċiżjonijiet bħal dawn jibgħatu messaġġ ħażin dwar kemm aħna kburin b’pajjiżna; speċjalment meta qed nabbandunaw il-lingwa taghħna stess.

Intqal ukoll li l-linja tal-ajru l-ġdida żammet l-istess Chairman kif ukoll żammet l-istess nies f’uħud mill-ogħla karigi – dan filwaqt li kkonsultat mal-istess nies. U minflok tneħħew ċertu persuni li kkontribwew għall-falliment tal-Air Malta… neħħew il-bżonn li wieħed ikun jaf il-Malti.

L-editur qal li dan mhuwiex l-uniku każ fejn il-lingwa Maltija ngħtat il-ġenb. U bħala eżempju, issemma’ kif l-awtorità “Identità” biddlet l-isem mill-Ingliż għall-Malti iżda xorta abbandunat il-lingwa f’affarijiet oħra.

L-Independent tittama li l-użu tal-Malti ma jkomplix jonqos. Dan filwaqt li tittama wkoll li l-linja tal-ajru l-ġdida se tieħu direzzjoni differenti minn ta’ qabilha u mhux tibda mill-punt li waqfet fih l-Air Malta.