Lokali

“Cameras fuq it-toilets, ġrieden, droga u suwiċidji” – priġunier jibda strajk fil-ħabs

Minn cameras fuq it-toilet għal ġrieden jiġru fiċ-ċellel, u droga ddur madwar il-Faċilità. Din hi s-sitwazzjoni tal-biki li ilhom jgħixu fiha għal xhur u snin sħaħ il-priġunieri fil-ħabs – sitwazzjoni li qed twassal biex ir-rata ta’ suwiċidji żdiedet drastikament.

Priġunier minn Division 6 li tkellem ma’ Net News qal li hu ħa d-deċiżjoni li jagħmel hunger u medical strajk sakemm is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

“Qed nagħmel dan għaliex fil-ħabs qegħdin taħt pressjoni u qed ngħixu ħajja diżastruża tant li qed jumiljawna,” qal il-priġunier.

Kien hawnhekk fejn qasam magħna dak li qed jgħaddu minnu l-priġunieri.

“F’division 6 hawn il-ġrieden,” qal il-priġunier. “M’hawnx fejn inpoġġu l-affarijiet, kollox mal-art. Hawn ħafna mard tal-ġilda. F’division 6 hawn ukoll żewġ cameras, waħda fuq u oħra faċċata tat-toilet. Daqshekk qed jumiljawna.”

L-istess priġunier qalilna li d-droga spiċċat iddur fost il-priġunieri; fl-inqas post fejn suppost għandha tkun id-droga.

“Daħlet id-droga m’ilux,” qal il-priġunier. “5 grammi kokaina u 5 grammi eroina.”

Sitwazzjoni li tant hi waħda kritika li wasslet biex ir-rata ta’ suwiċidji fil-ħabs żdiedet drastikament.

“Ir-rata ta’ suwiċidju għadha għolja għaliex is-sitwazzjoni għadha kritika fil-ħabs,” qal il-priġunier. “Kulma rranġaw huwa li qed isalvaw lill-priġunieri ħalli ma jmutux, iżda mhux inaqqsu l-fattur li jwassal li jitwettaq suwiċidju.”

Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, dan il-priġunier għażel li jieħu azzjoni kontra dan kollu; azzjoni li ilha għaddej għal għaxart ijiem sħaħ.

“Qabel tittranġa s-sitwazzjoni mhux se niekol, u mhux se naċċetta mingħandhom għajnuna medika,” temm jgħid dan il-priġunier.