Fil-Parlament Ewropew għadejja ħidma intensiva biex niksbu riżultati sbieħ għall-poplu Malti u Għawdxi.
Hekk saħaq David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, waqt attività politika li saret illum fil-foss tal-Imdina. Filwaqt li kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista kiseb riżultati sbieħ mhux biss Malta imma anka Brusell, fisser li prova ta’ dan huwa l-fatt li Roberta Metsola, kandidata f’isem il-Partit Nazzjonalista, laħqet il-President tal-Parlaement Ewropew. David Casa spjega li l-Maltin, għall-Partit Nazzjonalista, jiġu l-ewwel, u għalhekk dejjem ħadem biex il-ħaddiema jkollhom iżjed drittijiet, biex persuni b’diżabbiltà jkollhom iżjed drittijiet, u biex il-ġurnalisti jkollhom iżjed drittijiet biex b’hekk f’pajjiżna jkollna dritt tal-libertà ħielsa tal-espressjoni.
David Casa qal li Myriam Spiteri Debono se tkun President tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, u President li tgħaqqad lil Malta u qal li d-deċiżjoni tal-PN li jivvotta favur Myriam Spiteri Debono, kienet deċiżjoni tajba għall-ġid ta’ pajjiżna.
Tenna li Gvern ta’ Robert Abela ppermeta t-tħanżir u qal li hu jaqbel mal-kliem tal-President li l-korruzzjoni hija marda li qed tinfirex u li għandha konsegwenzi fuq is-soċjetà kollha.
Hu għalhekk, spjega, li fadal ħafna xogħol xi jsir u saħaq li s-sitwazzjoni li ninsabu fiha tista’ tiġi għall-aħjar permezz tal-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>