Lokali

“Il-PN jagħti garanzija ta’ ambjent aħjar fil-lokalitajiet tagħna” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħaseb bil-quddiem. Nagħraf li t-triq ‘il quddiem hija għat-telgħa għax qed niġġieldu against all odds. Iżda se nibqgħu naħdmu għaliex ma naqtgħux qalbna. Se nkomplu naħdmu favur pajjiżna aħjar għalik u għal uliedna.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Foss tal-Imdina, fejn kompla li l-Partit Nazzjonalista lest ikompli jaħdem favur il-poplu, kemm f’pajjiżna u anke barra minn xtutna.

“Anke mill-Oppożizzjoni għamilna differenza aħseb u ara fil-Gvern. Għamilna differenza fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ żewġ membri, aħseb u ara bi tlieta. Għamilna differenza kbira fil-lokalitajiet tagħna, aħseb u ara jekk ikollna iktar lokalitajiet immexxija minn membri Nazzjonalisti,” qal Bernard Grech.

Huwa faħħar id-diskors li għamlet il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono fil-jum tal-ġurament u qal li jittama li t-tmexxija tagħha torbod ma’ dan l-istess diskors.

“Min huwa parti mill-problemi ma jistax ikun parti mis-soluzzjonijiet. U dan qalitu l-President stess. Waqt li l-President kienet qed titkellem quddiem il-Qorti tagħna, f’jum il-Vitorja, kienet qalet il-kliem ċar illi pajjiżna rridu nifduh. Irreferiet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech indirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja li tant qed taffetwa familji Maltin u Għawdxin.

“Għaliex il-Gvern jibqa’ ma jindirizzahix din? Għax mitluf fir-rebgħa minflok imexxi lil pajjiżna,” temm jgħid Bernard Grech.