Peter Pellegrini, politiku poplulista, hu l-President ġdid tas-Slovakkja fejn qed jieħu post il-President liberali Zuzana Caputova. Dan wara li Pellegrini, meqjus bħala sostenitur tar-Russja, irnexxielu jegħleb lil Ivan Korcok, eks-uffiċjal diplomatiku u l-kandidat favur il-Punent, fost il-konferma li hu kiseb 53 fil-mija tal-vot nazzjonali.
Pellegrini hu wkoll eks Prim Ministru Slovakk minbarra li alleat kbir tal-Prim Ministru tas-Slovakkja Robert Fico. Dan meta Pellegrini u Fico it-tnejn iħaddnu ideal politiku dispost lejn il-politika tal-Kremlin.
Ir-riżultat ifisser li Fico u l-alleati tiegħu dalwaqt se jkunu jikkontrollaw il-Parlament minbarra l-Parlament u l-Gvern fi Bratislava. U b’konsegwenza ta’ dan, mistennija bidla radikali fil-politika barranija tas-Slovakkja matul il-ġimgħat li ġejjin .
Is-Slovakkja kienet fost l-akbar alleati tal-Ukrajna qabel Robert Fico, f’Ottubru, kien elett Prim Ministru bil-wiegħda li jwaqqaf il-proviżjoni tat-tagħmir militari mill-Armata Slovakka lill-qawwiet tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
U l-konferma ta’ Pellegrini bħala President għandha tfisser li l-Ukrajna, issa, tilfet definittivament furċina importanti fuq livell Ewropew u daqstant ieħor fi ħdan l-Alleanza tan-NATO
Robert Fico qed isejjaħ biex il-Punent ma jkomplix jgħin lill-Ukrajna minn aspett militari. Hu, fl-istess ħin, qed jitlob waqfien mill-ġlied immedjat flimkien ma taħditiet ta’ paċi bejn l-Ukreni u Moska.
Il-Prim Ministru Slovakk, riċentement, ikkritika l-mewġa ta’ kundanna għall-President Russu, Vladimir Putin, bħala ‘wisq eżaġerata’ – fost stqarrija li l-isħubija tal-Ukrajna fin-NATO għandha tfisser il-bidu ta’ tielet Gwerra Dinjija.
U fl-istess ħin, ftit hemm dubju li Peter Pellegrini mexxa l-kampanja għall-Presidenza b’mod li rrifletta l-politika ta’ Moska. Fil-fatt, il-President ġdid tas-Slovakkja akkuża lil Korcok bħala ‘instigatur tal-gwerer’ waqt li qal li l-avversarju tiegħu ‘kien qed jaħseb biex jibgħat lis-suldati Slovakki biex jiġġieldu fil-gwerra tal-Ukrajna.’
Dan minkejja li Pellegrini jaf li l-President ta’ pajjiżu mgħandux id-dritt kostituzzjonali biex jibgħat lill-militar jiġġieled fi gwerra li qed issir f’pajjiż ieħor.
//= $special ?>

