Internazzjonali

Is-Slovakkja: Lejn xandir ibbażat biss fuq il-vuċi tal-Istat….Presidenza ġdida li mhix mistennija tostakola r-riformi awtoritarji ta’ Fico

Zuzana Caputova, f’Ġunju, għandha tispiċċa uffiċjalment mill-Presidenza tas-Slovakkja u fost il-potenzjal akbar għal sistema ta’ tmexxija aktar awtoritarja f’dan l-Istat membru tal-Unjoni Ewropea

U wara r-rebħa ta’ Peter Pellegrini fit-taqtigħa għall-Presidenza, Caputova esprimiet rabja għall-kampanja li mexxa l-avversarju….Kampanja li skont hi xprunat sens ta’ biża’ fost il-poplu Slovakk bħala l-fattur ewlieni li deċieda r-riżultat tal-elezzjoni. Intant, il-President qed tghid li dan is-sens ta’ biża’ iċċirkulawh in-nies li qed jistaħbew wara l-karigi tal-Istat u li għandhom ukoll l-interessi biex jevolvu politika aktar awtoritarja fis-Slovakkja

Fl-istess ħin, Pellegrini qed ikun akkużat talli żamm fommu sieket waqt li Robert Fico kien qed  iżarma lis-sistema għall-ġustizzja kriminali fis-Slovakkja – u fejn fost oħrajn abolixxa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali li twaqqaf 20 sena ilu biex jinvestiga l-korruzzjoni u r-reati relatati mal-ħarsien tal-ekonomija nazzjonali.

In-nuqqasijiet ta’ Pellegrini jispikkaw ukoll minħabba li hu l-Kap tal-Partit Hlas, membru fil-koalizzjoni li qed tmexxi lill-Islovakkja, minbarra li wkoll Chairman tal-Parlament fi Bratislava.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali  kien investiga numru ta’ uffiċjali ewlenin fil-Partit Smer ta’ Robert Fico minbarra li mexxa l-prosekuzzjoni ta’ persuni li jaħsbu li kienu responsabbli għall-qtil, fl-2018, tal-ġurnalista investigattiv Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu.

Id-delitt kien ixxokkja pajjiż sħiħ u wassal għal theżżiża politika kbira xprunata mill-poplu Slovak – bir-riżultat li Fico kellu jirriżenja minn Prim Ministru u bil-liberali  Zuzana Caputova tispiċċa eletta President fuq mewġa ta’ rabja popolari għall-korruzzjoni uffiċjali u l-kriminalità organizzata li kienet qabdet l-għeruq sew fis-Slovakkja.

Il-Gvern ta’ Robert Fico, riċentement, kien qed jaħseb għar-riformi fl-Istituzzjoni tax-Xandir nazzjonali li qed iħassbu sew lill-poplu.

Dan waqt li hu ressaq il-pjani għax-xoljiment tal-Istituzzjoni u biex minflokha titwaqqaf Istituzzjoni simili li madankollu taqa’ ‘mija-fil-mija’ taħt il-kontroll tal-Istat.

Il-pjan, sa ftit ilu, deher li kellu jibqa’ iffriżat iżda issa l-analisti qegħdin jistennew li Pellegrini ‘iservi bħala spalla’ biex il-Prim Ministru Slovakk jirrealizza dan it-tragward anti-demokratiku fost l-inkwiet tal-Istati-membri l-oħra fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, l-Oppiżizzjoni fi Bratislava temmen li r-rebħa ta’ Pellegrini għandha tixpruna mill-ġdid lill-pjan ta’ Robert Fico għal ‘xandir li jirrifletti biss il-leħen tal-Istat’ u meta żgur mhumiex jistennew xi tfixkil għal Fico min-naħa tal-President-elett tas-Slovakkja.