Il-President kienet ċara ħafna fi kliemha. L-abort m’għandux jidħol mill-ventilatur; u jekk ikun se jidħol, iridu jkunu n-nies li jiddeċiedu permezz ta’ referendum.
Hekk stqarret Myriam Spiteri Debono meta din il-ġimgħa kienet intervistata mit-Times of Malta, fejn insistiet li hi personali tibqa’ kontra l-abort. Għalkemm qalet li ma rridux nilludu ruħna li l-abort eventwalment jidħol f’pajjiżna, l-istess kif sar f’pajjiżi oħra.
U huwa propju għalhekk illi temmen li għandu jsir referendum fuq din it-tema tant kontroversjali.
F’Dicembru tal-2022, mal-20,000 persuna kienu ipparteċipaw fi protesta fil-Belt fejn twassal messaġġ favur il-ħajja u kontra l-manuvri tal-Gvern ta’ Robert Abela li ried idaħħal l-abort propju mill-ventilatur; mingħajr ma kien fil-programm elettorali tal-Labour. Dakinhar, anke l-PN tkellem bis-saħħa fil-Parlament u barra sabiex il-Gvern ma jibqax għaddej b’din il-liġi li kienet se ddaħħal l-abort f’pajjiżna.
Apparti minn hekk, anke l-President Emeritu George Vella kellu sehem ewlieni biex Robert Abela ma jibqax għaddej bil-pjan tiegħu. U fost dawk li niżlu fit-toroq jipprotestaw kien hemm ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Fid-19 ta’ Diċembru tal-2022, Bernard Grech u d-deputati kollha tal-PN kienu żammew pożizzjoni ċara, u vvutaw kontra fi stadju tat-Tieni Qari.
Imbgħad, kellhom jgħaddu x-xhur sakemm il-Gvern għamel u-turn, u l-liġi ġiet emendata fi stadju ta’ Kumitat fejn ġie assigurat li ma jkun hemm ebda mezz ta’ interpretazzjoni li jagħti lok għall-abort. Biex b’hekk, Abela baxxa rasu għar-rieda tal-PN, tat-tobba u l-esperti mediċi, tal-għaqdiet non-governattivi, u tal-eluf li niżlu fit-toroq jipprotestaw.
//= $special ?>