Lokali

Jinħatru 18-il Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riserva

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ingħataw il-ġurament tal-ħatra 18-il Kuntistabbli ta’ Riserva, 12-il raġel u sitt nisa. Dawn huma uffiċjali li kienu servew fil-Korp tal-Pulizija jew membri ta’ xi Korp dixxiplinat ieħor, u llum reġgħu urew ix-xewqa li jingħaqdu mill-ġdid mal-Korp.

Dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati f’Ta’ Kandja, u kien jinkludi fost oħrajn taħriġ dwar ix-xogħol tagħhom bħala uffiċjali tal-Pulizija; fuq proċeduri ta’ kontroll u trażżin; l-użu tal-armi; tagħrif dwar il-Pulizija tal-Komunità; l-etika; customer care; il-kommunikazzjoni; kif ukoll dwar vjolenza domestika u l-vittmi vulnerabbli; il-liġi kriminali; id-drittijiet fundamentali tal-bniedem; l-Istrateġija tat-Trasformazzjoni; u kors fl-ewwel għajnuna, fost oħrajn.