Il-pjazza mill-isbaħ tar-raħal tal-Imgarr, reġgħet ospitat ‘Festa Frawli’ fejn spikka l-lewn ħamrani tal-frawli frisk, u fejn mijiet ta’ familji nġabru biex iduqu frott l-art Maltija.
Numru kbir ta’ Maltin u Għawdxin irritornaw fit-toroq tal-Imġarr għal edizzjoni oħra ta’ Festa Frawli; avveniment ta’ kull sena li jkun mistenni kemm mill-familji kif ukoll mit-turisti li attendew bi ħġarhom.
Attenda wkoll għal Festa Frawli, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat minn AnneMarie Grech, u diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll kandidati kemm għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
L-attività ‘Festa Frawli’ offriet minn kollox – Pastizzi, sfineg, ravjul, luminata, smoothies, ġelati, waffles, ħelu, u kulma tista’ timmaġina; kollox magġmul mill-frawli tal-bdiewa Mġarrin.
Ħafna jgħidu li l-frawli tal-Imġarr huwa differenti minħabba l-art għammiela u l-ilma bnin ta’ dawk in-naħat. April, kull sena, dejjem ikun sinonimu mal-bidu tal-istaġun tal-frawli.
‘Festa Frawli’ nkludiet varjetà wiesgħa ta’ deżerti, ikel u xorb, kollha magħmula bil-frawli friski tal-Imġarr. Dan filwaqt li ma naqasx l-Inbid tal-frawli magħmul fid-dar, ġamm, kunservi u prodotti tipiċi oħra li kienu għall-bejgħ.
Matul din l-attività kienu esebiti tifkiriet u xogħlijiet tal-arti u snajja’. Kien hemm ukoll mużika folkloristika u etnika esegwita minn artisti ewlenin Maltin bl-użu ta’ strumenti tradizzjonali.
Matul il-ġurnata tal-Ħadd, saru wkoll attivitajiet oħrajn fil-pjazza tal-Imġarr u l-madwar – fosthom kompetizzjoni tal-pittura u mixjiet madwar ir-raħal.
//= $special ?>