Futbol Sport

Rebħiet importanti għal Juventus u Napoli, Cagliari b’rebħa sorprendenti fuq Atalanta

(Ritratt: EPA)

Juventus kisbu rebħa importanti biex ikkonsolidaw it-tielet post kontra Fiorentina bl-iskor ta’ 1-0.

Il-Bianconeri kienu sfortunati li l-iskor kien biss ta’ 1-0, hekk kif skorjaw tliet gowls oħra li kienu mħassrin mill-VAR.

Il-gowl tar-rebħa wasal mid-difensur ċentrali Federico Gatti li tefa’ ġewwa mill-viċin fil-21 minuta.

Fl-ewwel partita tal-ġurnata, Bologna fallew milli jirbħu u jaqbżu lil Juventus fit-tielet post meta ġew miżmuma minn Frosinone barra minn darhom fi draw ta’ bla gowls.

Napoli dawru telfa f’rebħa kontra Monza biex telgħu fis-seba’ post bl-iskor finali jkun 4-2. Milan Duric kien l-awtur tal-ewwel gowl wara biss 9 minuti logħob meta sab ix-xibka mill-kross tal-eks plejer ta’ Napoli Zerbin.

Napoli stennew sal-55 minuta biex għamlu l-iskor indaqs, madankollu xħin bdew jiskorjaw ma waqfux. Victor Osimhen skorja l-ewwel gowl b’daqqa ta’ ras tajba mill-kross ta’ Anguissa. Żewġ minuti wara Matteo Poitano għamihom 2-1, segwit minn gowl ta’ Piotr Zielinski mis-suġġeriment ta’ Kvaratskheila.

Minuta wara Monza skorjaw gowl lura permezz tal-istilla Andrea Colpani, biex fit-68 minuta l-attakkant internazzjonali Taljan, Giacomo Raspadori, sab ix-xibka.

Cagliari dawru telfa f’rebħa kontra Atalanta u kisbu tliet punti kruċjali fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni bl-iskor finali jkun 2-1.

Kienu Atalanta li fetħu l-iskor l-ewwel permezz tal-attakkant prolifiku Gianluca Scamacca mill-assist ta’ Lookman. Cagliari għamlu l-iskor indaqs fit-42 minuta permezz ta’ Tommaso Augello, segwit mill-gowl tar-rebħa fl-aħħar mumenti tal-logħba, skorjat minn Nicolas Viola.

Sitwazzjoni simili fil-partita bejn Hellas Verona u Genoa, b’ Verona jiskorjaw l-ewwel u Genoa jdawru r-riżultat għall-iskor finali identiku ta’ 2-1. Federico Bonazzoli żblokka l-iskor mill-pass stupend ta’ Lazovic, bl-attakkant jikkonkludi bil-kalma fix-xibka. Verona għamlu l-iskor indaqs bl-aħħar azzjoni tal-partita meta Caleb Ekuban sab ix-xibka mill-kross ta’ Haps.

Fit-tieni taqsima, Genoa marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba meta Albert Gudmundsson kompla l-istaġun tajjeb tiegħu b’gowl mill-viċin li għeleb lil Montipo fit-58 minuta.

Il-Ġimgħa
Salernitana v Sassuolo 2-2
Is-Sibt
Milan v Lecce 3-0
Roma v Lazio 1-0
Empoli v Torino 3-2
Illum
Frosinone v Bologna 0-0
Monza v Napoli 2-4
Verona v Genoa 1-2
Juventus v Fiorentina 1-0
Għada
Udinese v Inter 8:45pm