Lokali

“Biex intaffu l-għoli tal-ħajja għandna bżonn azzjonijiet konkreti mill-Gvern f’pajjiżna u mhux inwaħħlu f’ħaddieħor” – PN

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Margrethe Vestager faqgħet b’mod definittiv il-bużżieqa tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba li, biex jgħatti xtur Robert Abela, tefa’ r-responsabbiltà tal-għoli tal-ħajja fuq l-importaturi u fuq il-Kummissjoni Ewropea.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, u mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

Il-kelliema fakkru kif f’Novembru li għadda, l-MEP Laburista kien akkuża lill-importaturi Maltin li qed jiksru l-liġi u jgħollu l-prezzijiet, filwaqt li talab lill-President tal-Kummissjoni Ewropea tinvestighom. Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel kien qal li t-talba ta’ Agius Saliba hi redikola għax dan hu xogħol il-Gvern Malti u partikolarment l-Awtorità għall-Kompetizzjoni (MCCAA).

Issa l-Kummissjoni Ewropea rrispondiet b’mod uffiċjali u faqgħet kompletament il-bużżieqa tal-MEP Laburista għax il-Kummissarju Vestager qalet iswed fuq l-abjad li għandu jkun il-Gvern Malti li jinvestiga abbużi ta’ prezzijiet minn kwalunkwe negozju f’Malta.

Alex Agius Saliba hu inkompetenti jew irid iqarraq bin-nies meta jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-prattiċi tal-importaturi Maltin, bil-kelliema jtennu li l-MEP Laburista jew ma tgħallem xejn f’ħames snin fil-Parlament Ewropew, inkella bi ħsieb malizzjuż irid jiddevja l-attenzjoni minn fuq id-doveri tal-Gvern li bil-liġi għandu jinvestiga kull abbuż tal-prezzijiet fis-suq.

Il-kelliema qalu li sfortunatament, każijiet bħal dawn juru li l-MEPs tal-Partit Laburista qegħdin fl-Ewropa biex jipproteġu lill-Gvern aktar milli biex imexxu ‘l quddiem l-interessi tal-konsumaturi bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fl-Ewropa għandna bżonn kompetenza u dedikazzjoni għall-bżonnijiet tal-poplu Malti u mhux teatrini u mossi biex jiddevjaw l-attenzjoni tal-pubbliku.

Il-kelliema qalu li mhux ġust li n-negozji Maltin tittappnilhom ir-reputazzjoni tagħhom fl-Ewropa meta n-nuqqas għall-azzjoni fuq l-għoli tal-ħajja hu kollu tort tal-Gvern, li baqa’ ma ħax azzjoni biex jinvestiga u jirregola s-suq quddiem l-allegazzjonijiet ta’ abbużi mill-prezzijiet tal-MEP Laburista.

Insistew li l-Gvern għandu responsabbiltajiet xi jġorr fis-suq, fosthom li jassigura ‘level playing field’ bejn in-negozji u li jinvestiga aġir antikompetittiv fejn dan ikun rappurtat. Hekk biss nistgħu nassiguraw li s-suq liberu jaħdem favur il-konsumatur u mhux kontrih. Billi jappunta s-swaba’ lejn l-Ewropa, il-Gvern ikun sempliċement qed jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jkun ta’ wens għall-familji.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika ta’ wens lill-familji biex jaffrontaw l-għoli tal-ħajja. Dan jista’ jsir fuq kollox billi naħdmu fuq mudell ekonomiku ġdid, li jwassal għal pagi li jrendu aktar. Il-falliment tal-Partit Laburista fil-Gvern ma jistax ikun aktar ċar meta wieħed jara li Malta hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-pagi baqgħu staġnati għal dawn l-aħħar 11-il sena.

Dan qed iwassal għal kundizzjonijiet tal-għajxien dejjem aktar diffiċli għall-familji Maltin, fejn il-paga tibqa’ l-istess però li tixtri biha dejjem jonqos.