Il-qawwiet ta’ Iżrael qegħdin jirtiraw mill-belt ta’ Khan Younis wara li l-inħawi ġarrbu l-akbar impatt tal-gwerra f’Gaza li ilha għaddejja x-xhur bejn l-Iżraeljani u l-grupp terroristiku tal-Ħamas. Din il-belt spiċċat devastata għal kollox u ċ-ċivili Palestinjani, issa, qed jirritornaw, bil-mod il-mod, lejn id-djar meqruda fl-inħawi.
Iżda għalkemm Iżrael qed inaqqas mill-preżenza militari fin-Nofsinar ta’ Gaza, il-kapijiet militari beħsiebhom iżommu xorta l-istakkamenti mdaqqsin tat-truppi fiz-zoni ta’ fuq tat-territorju minħabba t-theddida kontinwa mill-Ħamas. Dan meta l-irtirar minn Khan Younis qed titqies bħala strateġija tattika aktar milli sinjal li l-gwerra tista’ qed tavviċina konklużjoni.
Il-belt ta’Khan Younis damet ix-xhur iġġarrab il-bumbardamenti tal-Iżraeljani u bħalissa l-komunità internazzjonali qed tesiġi għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.
U waqt li n-negozjati bejn Iżrael u l-Ħamas qed ikomplu fl-Eġittu, l-Istati Uniti baqgħet twissi li l-appoġġ tagħha lill-Iżraeljani jiddependi minn kemm huma jieħdu l-passi konkreti biex jevitaw aktar imwiet fost iċ-ċivili ta’ Gaza
Fl-aħħar sigħat, Iżrael u l-ħamas indikaw ‘sens ta’ ottmiżmu’ li n-negozjati għad jistgħu jipproduċu ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza. Il-Ministru Iżraeljan għall-Affaarijiet Barranin, Israel Katz, qal li t-taħditiet fil-Kajr, taħt il-medjazzjoni tal-Eġittu u l-Qatar, kienu waslu ‘f’punt kritiku’ waqt li ma eskludiex li ‘seta ma kienx ‘il bogħod xi żblokk notevoli’ għas-sitwazzjoni.
//= $special ?>