F’April, TOI TOI, il-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel, qed jippreżenta spettaklu mużikali divertenti għat-tfal ta’ bejn il-5 u t-8 snin. ‘Once Upon a String’ se jipprovdi lit-tfal u lill-familji opportunità li jesperjenzaw il-kanzunetti favoriti tagħhom live fi prestazzjoni divertenti u maġika.
‘Once Upon a String’ jinkludi firxa vasta ta’ mużika magħrufa ma’ kulħadd interpretata mill-animatriċi u kantanta ta’ TOI TOI, Michaela Agius, akkumpanjata mill-kwartett tal-kordi TOI TOI, li l-esperta tal-kordi Maria Conrad se tkun qiegħda tidderieġi. L-udjenza se tkun imħeġġa tkanta flimkien, hekk kif l-artisti jieħdu lil dawk preżenti fi vjaġġ permezz ta’ varjetà ta’ stili mużikali. Mill-opra (Hansel & Gretel), films (The Never Ending Story, Pinocchio, The Little Mermaid, Hans Christian Andersen, Three Little Pigs u James Bond), programmi televiżivi (Stranger Things u l-Eurovision), Video Games (Super Mario), kif ukoll bi ftit pop għas-Swifties — se jkun hemm xi ħaġa għal kulħadd.
B’kitba u direzzjoni ta’ Kate Fenech Field, il-Maniġer tal-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni TOI TOI, ‘Once Upon a String’ se jservi ta’ introduzzjoni biex tfal żgħar isegwu l-istrumenti tal-kordi klassiċi. Jekk iċ-ċkejknin huma midħla tad-divertiment teatrali, huma mħeġġa li jkantaw waqt is-sing-alongs!
TOI TOI huwa proġett ibbażat fil-komunità fil-qalba tat-Teatru Manoel, li għandu l-għan li jressaq mużika live, żfin, u avvenimenti tat-teatru lil udjenzi ta’ kull età, minn trabi u tfal żgħar għal adulti u anzjani.
‘Once Upon a String’ se jittella’ fl-Istudio tat-Teatru Manoel nhar is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 ta’ April, bi spettakli fl-4pm u fil-5:30pm fiż-żewġ dati. Din il-produzzjoni hija mmirata għal tfal bejn il-5 u t-8 snin, li jkunu akkumpanjati minn adult.
Il-biljetti huma €6 għat-tfal u €10 għall-adulti u wieħed jista’ jixtrihom minn https://teatrumanoel.mt/event/once-upon-a-string/ jew mill-booking office tat-Teatru Manoel. Għal aktar informazzjoni ċempel (+356) 21246389 jew żur is-sit tat-Teatru Manoel.
//= $special ?>