Internazzjonali

Il-Ġermanja: Akkużata dwar ġenoċidju min-Nikaragwa f’każ relatat mal-bejgħ ta’ armi lil Iżrael

Iżrael ċaħad b’mod kategoriku li qed tmexxi kampanja ta’ ġenoċidju f’Gaza wara li n-Nikaragwa talbet biex l-Ogħla Qorti tan-Nazzjonijiet Uniti twaqqaf lill-Ġermanja milli tbiegħ l-armamenti lill-Iżraeljani.

Il-każ imressaq min-Nikaragwa hu wieħed storiku u meta l-Ġermanja hi akkużata b’li abbużat il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal kontra l-ġenoċidju ta’ poplu – f’dan il-każ il-Palestinjani residenti f’Gaza.

Il-Gvern tal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz qed ikun akkużat b’li bagħat l-armamenti u tagħmir ieħor tal-gwerra lill-Iżraeljani – minbarra li waqqaf il-finanzjament għall-Aġenzija tan-Nazzjonijet Uniti li qed taħdem b’risq ir-refuġjati Palestinjani.

Il-Ġermanja, min-naħa tagħha, qed tikkuntesta bis-sħiħ lil dan il-każ u meta dalwaqt tippreżenta d-difiża tagħha quddiem il-Qorti Internazzjonali għall-Ġustizzja.

Fl-2023, il-Ġermanja biegħet mat-30 fil-mija tal-armamenti miksuba minn Iżrael matul is-sena kollha u liema bejgħ kien għaxar darbiet akbar minn tal-2022 (li kien jinvolvi liż-żewġ pajjiżi.) Qed jidher, intant, li l-Iżraeljani xtraw l-aktar il-komponenti għas-sistemi tad-difiża għal kontra l-attakki mill-ajru flimkien mat-tagħmir għall-komunikazzjonijiet aktar effettivi.

Sadanittant, l-allegazzjonijiet tan-Nikaragwa, immexxija mill-President Daniel Ortega, qed jitqiesu bħala ‘it-tkomplija’ ta’ każ separat, imressaq f’Jannar, mill-Afrika t’Isfel u li jakkuża direttament lil Iżrael dwar ġenoċidju.

Dan meta Iżrael qed jinsisti li żamm dejjem mar-regoli tal-gwerra u li għandu kull dritt li jiddefendi lil niesu flimkien mas-sovranità tal-pajjiż kontra kull attakk.