L-Assoċjazzjoni tad-divertiment qed tappella għal aktar trasparenza u responsabbiltà dwar kif sar l-avveniment ta’ Malta Biennale. Dan hekk kif intefqu diversi miljuni għal dan l-avveniment li spiċċa qala’ baraxx ta’ kritika minn diversi faxxex tas-soċjetà.
L-MEIA talbu lil Heritage Malta, lill-Ministeru tal-Finanzi, lill-Ministeru tal-Wirt, u lill-Ministeru tat-Turiżmu biex jippubblikaw ir-riċerka li saret u d-dokumentazzjoni b’rabta ma’ dan l-avveniment, li għalih ġew allokati 1.7 miljun ewro. Il-MEIA qalet ukoll li peress li ma kienx hemm sejħa fil-pubbliku għall-rwoli prinċipali; bħal l-irwol ta’ direttur artistiku u rwoli oħra, dan ċaħħad lill-professjonisti lokali sabiex jikkontribwixxu u jagħtu sehemhom għal dan il-proġett nazzjonali.
Minn naħa tagħha, il-President tal-MEIA Maria Galea qalet li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni u trasparenza li bihom l-organizzaturi kkoordinaw il-maltabiennale inħass mill-bidu bl-avveniment skorrettament ġie mmarkat bħala, “l-ewwel biennale”. Hi spjegat ukoll li s-sejħa oriġinali għall-artisti ma offriet l-ebda ħlas finanzjarju jew direzzjoni ċara.
Il-MEIA qalet ukoll li x-xogħol tal-artisti sar “irrelevanti” minħabba l-bidla fil-kunċett kuratorjali.