Lokali

Il-Moviment Graffitti jitlob azzjoni immedjata kontra l-pixxini illegali fl-ODZ tal-Qala

Il-Moviment Graffitti bagħat ittra lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Ippjanar u lis-CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn talab azzjoni immedjata kontra l-pixxini illegali ta’ Joseph Portelli fl-ODZ tal-Qala, kif ukoll bidla fil-liġijiet li ħallew li dawn l-istrutturi illegali jitlestew qabel inqata’ l-appell.

Il-permess għal dawn il-pixxini ġie revokat b’mod definittiv mill-Qorti tal-Appell nhar it-13 ta’ Marzu ta’ din is-sena wara appell imressaq mill-Moviment Graffitti u l-Kunsill Lokali tal-Qala. Iżda, minħabba liġijiet assurdi u d-deċiżjonijiet żbaljati ferm li ttieħdu mill-awtoritajiet konċernati, dawn il-pixxini laħqu nbnew.

Il-Moviment Graffitti fakkar kif Joseph Portelli ftaħar pubblikament li beda x-xogħlijiet illegalment fl-ODZ meta lanqas kien għadu biss applika għal permess.

Meta eventwalment l-applikazzjoni (PA/8143/21) ġiet sottomessa, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess, minkejja li kien beda x-xogħol illegalment, minkejja li din kienet biss applikazzjoni waħda li tagħmel parti minn proġett enormi li ġie intenzjonalment frammentat sabiex ma jkunx hemm evalwazzjoni ħolistika tiegħu, u minkejja li tmur ċarament kontra l-liġijiet u l-politiki tal-ippjanar.

Fl-istess ġurnata tar-revoka tal-permess għal dawn il-pixxini, il-Qorti rrevokat ukoll permessi oħra tal-iżviluppatur Joseph Portelli fis-Sannat li, iżda, kienu wkoll laħqu nbnew.

Il-Moviment Graffitti fakkar kif fl-1 ta’ Mejju tal-2023, il-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed li ser tinbidel il-liġi sabiex permessi għall-iżvilupp ma jkunux effettivi sakemm jinqata’ l-appell. Iżda din il-bidla baqgħet ma seħħitx. Ħarġet biss konsultazzjoni pubblika problematika ferm għaliex taħt il-pretest ta’ din il-bidla meħtieġa kienet fil-fatt qed tipproponi limitazzjonijiet serji u inaċċettabli fuq id-dritt tal-appell. L-għaqdiet taw ir-reazzjoni dettaljata tagħhom għal din il-konsultazzjoni, u minn dak iż-żmien ’l hawn ma nstema’ xejn iktar.

Il-Moviment Graffitti qal li fil-każ tal-permess għall-pixxini fl-ODZ tal-Qala, huwa ċar li saret tgħassida kbira u li r-responsabbiltà tagħha jridu jġorruha bis-sħiħ l-awtoritajiet li ħarġu l-permess kif ukoll il-Gvern li baqa’ ma biddilx il-liġijiet dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-permessi waqt appell.

Għalhekk, il-Moviment Graffitti talab li:

1. L-awtoritajiet konċernati jħabbru pubblikament x’azzjonijiet ser ikunu qed jittieħdu sabiex jitneħħew il-pixxini illegali fil-Qala u jagħtu żmien massimu sakemm is-sit jitreġġa’ lura għall-istat li kien fih, a spejjeż tal-iżviluppatur.

2. Il-Gvern iħabbar minnufih riforma fil-liġi marbuta mal-appelli tal-ippjanar sabiex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-appellanti u l-iżviluppi ma jinbnewx sakemm l-appell jinqata’ b’mod definittiv.

Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti sa nhar it-Tnejn 22 t’April, il-Moviment Graffitti, flimkien ma’ komunitajiet u għaqdiet madwar Malta u Għawdex, mhux se jkollu l-ebda għażla ħlief li jibda jwettaq azzjonijiet ħalli tiġi rimedjata din l-inġustizzja gravi kontra l-ambjent u l-poplu Malti u Għawdxi.