Lokali Parlament

Il-poplu Malti llum irid jiddefendu lilu nnifsu mid-dell tal-korruzzjoni


Charles Azzopardi, PN


Id-deputat Nazzjonalista Chares Azzopardi qal fil-parlament li l-poplu Malti llum irid jiddefendu lilu nnifsu mid-dell tal-korruzzjoni li wettaq il-gvern Laburista.


Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li l-pajjiż irid jagħraf is-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi taż-żminijiet. Hu qal li l-pajjiż irid jiggarantixxi żvilupp sostenibbli mhux biss fil-bini iżda fl-ambjent u fl-identità b’governanza tajba u ġustizzja soċjali.


Charles Azzopardi kompla li fl-ewwel diskors tagħha l-President Spiteri Debono sostniet li l-politiċi m’għandux ikunu dawk li jiskoraġixxu lin-nies mill-politiku. Hu kompla li mhux kulħadd qed jingħata l-istess opportunitajiet biex jimxu ‘l quddiem.


Il-poplu qed jitkellem fuq il-problemi fosthom dik tal-għoli tal-ħajja, il-prekarjat, il-faqar u l-vulnerabbli. Kulħadd għandu jingħata l-opportunitajiet biex jimxi ‘l quddiem, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fl-edukazzjoni, it-tfal iridu jkunu mgħallma dak li għandhom bżonn biex għall-futur ikun hemm ġenerazzjonijiet aħjar.


Charles Azzopardi sostna li s-sinifikat tal-poplu Malti kien mibni fuq il-prinċipji iżda issa l-Malti jrid jiddefendi lilu nnifsu mid-dell tal-korruzzjoni.


Il-gvern naqas milli jressaq lit-tfal lejn il-kultura u lejn il-lingwa Maltija li issa qed tispiċċa anki fuq il-linja nazzjonali tal-ajru Maltija. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern kien qed jgħid li l-Air Malta kienet sostenibbli meta dan ma kienx minnu. Dan hu l-gvern li poġġa lil Malta fil-lista l-gżira; il-Maltin spiċċaw il-minoranza jitkellmu l-Malti f’pajjiżhom stess.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern kien waħħal fis-sħana meta fl-aħħar sajf inqata’ d-dawl iżda issa se jkollu jħallas €37 miljun għal 47 ġurnata biex fis-sajf li ġej ikun hawn il-provvista tal-elettriku.


Charles Azzopardi qal li l-gvern qed jibqa’ jikri l-vapur Nicolaus; vapur second hand użat biex jintuża bejn Malta u Għawdex. Hu qal li l-President ta’ Malta tkellmet ukoll fuq il-problema tar-rgħiba għall-flus u sostna li l-obbligu tal-gvern hu li jqassam il-flus bejn kulħadd.


Il-bini m’għandux jieħu post iċ-ċittadin, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jekk isiru l-għażliet tajbin, Malta tkun tista’ terġa’ tkun Malta aħjar għal kulħadd.