Lokali Qorti

Liberat għax kien qed jiddefendi lilu nnifsu waqt argument f’Paceville

Uffiċjal tas-Sigurtà ta’ stabbiliment minn San Ġiljan, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello li fil-lejl tad-9 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu, ikkaġuna feriti gravi fuq Youssef Salem waqt ġlieda f’Paceville. Dan wara li l-Qorti qieset li l-aggressjoni minn naħa ta’ Carmelo Zammit ta’ 59 sena, saret sabiex huwa jiddeffendi lilu nnifsu.

Huwa lanqas ma nstab ħati li ħa parti attiva fi ġlieda u li ħebb għal Salem. Il-Qorti qalet li hija sodisfatta li f’din it-taqbida l-imputat aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu meta ġie rinfaċċjat bl-aggressjoni inġusta minn naħa ta’ Salem li attakkah b’daqqa ta’ ponn u banketta, u kien qed iżommu minn għonqu u kkaġunalu trawma f’għajnejh li fil-ħin tal-inċident ħassritlu l-vista u stordietu.

L-akkużi fil-konfront tal-imputat nibtu minn inċident li seħħ għall-ħabta tat-3am, fl-istabbliment ‘Deja’ Vu’ fejn kien involut l-imputat, li jaħdem bħala Assistant Manager u uffiċjal tas-sigurtà fl-istess stabbiliment, u Youssef Salem, klijent li dak il-ħin kien qed jixrob fl-istabbiliment.

B’riżultat ta’ din il-ġlieda, Salem ġarrab ġrieħi konsistenti prinċipalment fi ksur tal-għadam tal-imnieħer u tal-parti taħt għajnejh fuq in-naħa tal-lemin ta’ wiċċu, laċerazzjonijiet fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasu kif ukoll tbenġil fuq wiċċu.

Dawn il-ġrieħi ġew ċertifikati bħala ta’ natura gravi mit-tabiba li eżaminatu ftit tal-ħin wara. Youssef Salem ma xehedx f’dawn il-proċeduri għaliex telaq minn Malta u baqa’ qatt ma ġie rintraċċjat.

Mill-fatti li joħorġu mill-atti u mill-provi, l-aktar mix-xhieda ta’ Marco Bonnici u Florinda Santu, Youssef Salem li kien qed jixrob fl-istabbiliment, kien qed isabbat fuq il-mejda u kien qed jiffastidja u jgħajjar lill-istess Florina Sandu, li kienet taħdem bħala żeffiena li jaħdmu fl-istabbiliment.

Hu stabbilit li dak il-ħin kien hemm biss ftit klijenti. Il-provi juru li meta l-imputat ra x’kien qed jiġri u mill-espressjoni fuq wiċċ Florina Sandu, fehem li kienet imdejqa u kellha bżonn l-assistenza tiegħu, avviċina lil Salem u għamillu sinjal biex jara jekk kollox sew.

Jirriżulta wkoll li meta ra hekk, il-parti offiża rrabja, beda jidgħi u beda jixxuttja s-siġġijiet u l-mejda, u tefa’ banketta lejn l-imputat. Marco Bonnici, sid l-istabbiliment, xehed: “Meta Karmenu mar ikellmu, dar u ċapċaplu waħda bil-ponn lil Karmenu mal-ewwel. …mill-ewwel paħ paħ …u mbagħad beda jgħolli l-imwejjed.”.

Ikkonferma li d-daqqa tahielu bil-ponn u laqat lill-imputat ġo għajnejh. L-istess Florina Sandu, ikkonfermat din ix-xhieda. Din ix-xhieda hi konsistenti mal-verżjonijiet li Florina Sandu u Marco Bonnici rispettivament kienu taw lill-Pulizija dakinhar tal-inċident.

Fuq kollox, din il-verżjoni hija wkoll kompatibbli mal-verżjoni mogħtija mill-imputat innifsu meta ġie mitkellem mill-Pulizija biss ftit tal-ħin wara l-inċident, meta Salem kien għadu barra mal-art fit-triq, mitluf minn sensih.

Waħda mill-ħaddiema kienet intimidata

Mix-xhieda tas-Surġent Glenn Sammut, u l-Kuntistabbli Matthew Borg, Liam Vella u Manuel Rotin, li kienu kellmu lill-imputat fuq il-post u ġie osservat li kellu għajnejh “daqs ballun” , jirriżulta li huwa kien stqarr magħhom li waqt li kien qiegħed xogħol fl-istabbiliment, kien ra waħda mill-ħaddiema li kienet qed tiġi intimidata minn ċertu persuna, u meta mar jistaqsih jekk kienx kollox sew billi għamillu sinjal, din il-persuna qabdet u ċapċpitlu daqqa ta’ ponn.

Minħabba d-daqqa f’għajnejh ma setax jara sew, iżda dan ir-raġel qabad jagħtih u mbagħad qabdu minn għonqu u kellu jimbottah biex ma jibqax iħebb għalih. Kien hemm klijent ieħor fl-istabbiliment dak il-ħin, persuna ta’ karnaġġjon skur li ma jafx min hu, u li mar biex jgħinu biex jaqla’ lil ieħor minn fuqu u flimkien żammew lill-persuna l-oħra u ħarġuh ‘il barra fit-triq.

Il-presenza tal-persuna l-oħra b’karnaġġjon skur u l-intervent tiegħu biex jgħin lill-imputat biex joħroġ lil Youssef Salem mill-istabbiliment, hi affermata mill-verżjoni mogħtija minn Marco Bonnici lill-Ispettur Jean Paul Attard ftit wara l-inċident.

Il-Maġistrat Montebello qalet li hi sodisfatta wkoll li jekk Zammit, bl-azzjonijiet tiegħu kkaġuna l-ġrieħi riskontrati f’wiċċ il-parti offiża, dan għamlu, evidentement, f’waqt meta kien qed jipprova jevita l-perikolu gravi fil-konfront tiegħu mill-azzjonijiet vjolenti tal-istess Salem, u dan billi pprova jinqala’ mis-sitwazzjoni wara li kien qabdu minn għonqu, u pprova wkoll joħroġ lil Salem mill-istabbiliment.

IL-Qorti hi tal-fehma fil-kwadru tal-fatti kif imresqa. li fil-fatt l-akkużat verament agixxa in legittima difesa. Jirriżulta li Salem kien qed jgħajjat joffendih u jkellmu ħażin u jagħmel il-ponn u dan l-aġir għalhekk ma ħalla l-ebda triq oħra lil Zammit li kien fuq saqajh li jimbutta lil Salem ‘l isfel ‘l hemm sabiex ma jkomplix bl-aggressjoni tiegħu u jipproteġi l-persuna tiegħu  

Għal dawn il-motivi kollha, il-Qorti ma sabitx lil Carmelo ħati ta’ ebda waħda mill-imputazzjonijiet miġjuba kontrih u tilliberah minn kull ħtija u piena.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jean Paul Attard. Għal Zammit dehru l-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio.