M’hemm ebda garanzija li se jiġu ritornati lura lill-kaxxa ta’ Malta dawk li huma stmati li jlaħħqu mas-€6 miljun; flus li nħatfu minn but il-poplu Malti u Għawdxi fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali li fih hemm akkużati bl-involviment tagħhom nies mil-Labour.
Dan hekk kif meta kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, l-Prim Ministru Robert Abela spjega ma’ Net News kemm dawk li bbenefikaw minn dawn il-benefiċċji…b’mod allegatament frawdolenti u inġust… huma vulnerabbli huma stess. U ta’ x’jifhem li m’għandhomx biex iħallsuhom lura.
Diskors li ċertament jitfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni li diversi familji Maltin u Għawdxin qed jgħixu – fejn minħabba l-vulnerabbiltà deskritta tali minn Abela nnifsu, spiċċaw gwidati biex jiffrodaw lill-pajjiż.
U filwaqt li l-aħħar ċifri Ewropej urew li l-ħlas medju fis-siegħa ta’ ħaddiem Malti huwa inqas mid-doppju tal-medja Ewropea….b’€31.80 fis-siegħa fl-Ewropa….u €14.20 f’pajjiżna – b’pagi deskritti minn bosta bħala inadegwati biex jilqgħu għall-ispejjeż ta’ kuljum …. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fl-indirizz tagħha erbat ijiem ilu tkellmet dwar ir-regħjba għall-flus li għandna f’pajjiżna. Iżda surrealment, Abela anke din prova jfarfar fuq il-passat.
Fl-isfond ta’ dan kollu, Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk id-Deputat Rosianne Cutajar għamiltx apoloġija fl-istrutturi tal-Labour…b’Abela jaħrab milli jwieġeb u jirreferina għal dak li qal ftit tal-jiem ilu.
Net News reġa’ staqsa jekk f’dawn il-ġimgħatejn Cutajar waslitx l-iskużi u l-apoloġija tagħha biex tidħol lura mal-Labour….b’Abela jibqa’ jaħrab milli jwieġeb.
Għaldaqstant mhux talli €6 miljun jidhru ‘l bogħod milli l-poplu jeħodhom lura…iżda agħar minn hekk…lanqas se nieħdu lura il-flus li tħalset bihom Rosianne Cutajar f’dak li l-NAO ddeskriva bħala impjieg fantażma, bil-konsulenza mal-ITS.
//= $special ?>