Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-isptar tal-annimali jerġa’ jinfetaħ b’mod immedjat


Darren Carabott, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott insista fl-Aġġornament tal-parlament li l-gvern għandu jieħu azzjoni mmedjata biex jerġa’ jinfetaħ l-isptar tal-annimali li kien bena Gvern Nazzjonalista u li Gvern Laburista għalqu.


Darren Carabott qal li fl-20 ta’ Frar li għadda kien sab lil ommu u missieru jibku għaliex il-kelba tal-familja kienet qiegħda tmut wara 13-il sena. Hu sostna li dak kien filgħaxija meta l-familja kellha tieħu deċiżjoni jekk il-kelba titraqqadx. Il-problema hi li minn Awwissu li għadda ‘l hawn, il-pajjiż ilu bla sptar tal-annimali.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-familja ma kellhiex fejn tmur quddiem dik is-sitwazzjoni meta l-kelba tagħhom kienet qed tmut. Hu sostna li bejn l-2008 u l-2010, gvern Nazzjonalista kien bena sptar tal-annimali f’Ta’ Qali iżda dan ingħalaq.


Darren Carabott kompla li f’Jannar il-gvern kien qal li l-politika tal-gvern hi jkun hemm l-aqwa kura għall-annimali domestiċi iżda minn dan id-diskors ma wettaq xejn. Jeħtieġ li l-gvern jieħu l-azzjonijiet meħtieġa għaliex il-fatti huma li għall-gvern, l-annimali domestiċi mhumiex prijorità.