Matul ix-xhur li għaddew l-Association of Tractor and Tailor Operators (ATTO), il-Malta Chamber, il-Malta Business Bureau, flimkien mal-Irish Road Haulage Association (IRHA) u l-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Ċipru kienu impenjati f’ħidma sabiex iħeġġu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jirrevedu l-liġijiet eżistenti dwar it-trasport fuq it-triq fid-dawl tal-kompetizzjoni mhux xierqa li teżisti bejn il-pajjiżi fl-Ewropa kontinentali u l-operaturi żvantaġġati mill-pajjiżi gżejjer.
“Għalkemm Malta, Ċipru u l-Irlanda huma tliet pajjiżi membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea, il-policies tal-Unjoni dwar it-trasport marittimu u dak fuq it-toroq mhumiex qed jikkunsidraw il-kundizzjonijiet speċifiċi u ta’ żvantaġġ tagħna, b’mod partikolari l-fatt li aħna gżejjer maqtugħin, kif ukoll realtajiet ġeografiċi oħra.”
Joseph Bugeja spjega kif din il-ħidma qed titratta b’mod speċjali r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar Combined Transport li qed tħalli impatt negattiv ħafna fuq l-aspetti ta’ loġistika u s-supply chain ta’ dawn it-tliet pajjiżi.
L-għan ewlieni tal-hekk imsejjaħ Island Nations Advocacy Group, iffurmat minn rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-ġarr ta’ merkanzija bit-triq, hu li t-trasport bejn pajjiżi gżejjer u l-Ewropa kontinentali jibda jitqies bħala combined transport. B’hekk jagħtihom aċċess għall-inċentivi fosthom sewqan fi tmiem il-ġimgħa, vantaġġi fiskali u l-possibbiltà li joperaw iżjed minn tliet operazzjonijiet ta’ cabotage f’sebat ijiem.
“Prattikament, irnexxielna nikkonvinċu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkunsidra l-aspetti speċifiċi tagħna fil-proposat leġiżlattiva li ressqet f’Novembru tal-2023. Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir iżjed sabiex l-operaturi f’pajjiżi bħalna jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ minn status ta’ Combined Transport.”
“Sabiex joperaw b’mod iżjed sostenibbli, ħafna minn dawk li jġorru l-merkanzija diġà qed jagħżlu r-rotta itwal bil-baħar u dan, diġa qed jgħin sabiex jonqos it-traffiku fuq it-triq u inqas konsum ta’ fjuwil speċjalment fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija li għad hemm bħalissa. Dawn l-isforzi qed jagħtu kontribut lil żewġ prijoritajiet Ewropej: il-Green Deal u t-tnaqqis tal-enerġija. Għal dan l-impenn, il-kumpaniji għandu jingħatalhom inkoraġġament b’għajnuniet u inċentivi u mhux jiġu ppenalizzati iżjed,” qal is-sur Bugeja.
Bħalissa, kumpaniji Maltin qed jużaw ir-rotta bil-baħar bejn Malta u Ġenova minflok ma jsuqu minn Pozzallo, fi Sqallija, sa Ġenova. Dan diġà qed inaqqas l-emissjonijiet b’70% meta mqabbel mas-sewqan bejn Pozzallo u Ġenova.
It-talba sabiex jitneħħew l-iżvantaġġi tal-liġijiet li hemm bħalissa dwar Combined Transport, se jkunu wkoll riflessi f’position paper li mistennija tressaq l-International Road Union – l-akbar organizzazzjoni ta’ operaturi ta’ trasport bit-triq fid-dinja.
“Il-fatt li qed nindirizzaw dawn l-issues importanti bl-għajnuna tal-IRU, għandu jgħinna npoġġu iżjed pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea sabiex tikkunsidra l-proposti tagħna. Huwa importanti li jkollna suċċess f’din il-ħidma jekk verament irriu li nsiru iżjed sostenibbli u jekk irridu nħarsu din l-industrija li tant hija kruċjali għalina,” temm Joseph Bugeja.
//= $special ?>