Futbol Sport

Kollox miftuħ fil-quċċata tal-klassifika wara rebħiet importanti għal Ħamrun u Floriana

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Floriana kisbu rebħa meritata fuq ir-rivali eterni u ġirien Valletta hekk kif b’gowl f’kull taqsima ħadu tliet punti oħra importanti. B’din ir-rebħa, il-Greens żammew il-kmand tal-klassifika meta fadal erba’ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Kienet logħba kkontrollata minn Floriana li ftit li xejn kellhom problemi bid-difiża tagħhom tkun dominanti u ma tagħti ebda ċans lill-players avversarji.

Għal Valletta din kienet telfa ta’ rutina oħra fejn issa ilhom minn Jannar ma’ jiksbu punti massimi  minn partita, u l-kompitu tagħhom sabiex jevitaw ir-relegation qed ikompli jsir aktar diffiċli. Din ir-rebħa fissret double għal Floriana fuq Valletta fejn għat-tim immexxi minn Camoranesi s’issa jista’ jitqies bħala staġun eċċellenti hekk kif apparti fl-ewwel post tal-klassifika, jinsabu wkoll fis-semifinali tal-Izibet FA Trophy.

Iż-żagħżugħ ta’ Valletta Jake Azzopardi jirbaħ il-ballun minn saqajn Owen Spiteri (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Bir-rebħa li kisbu Floriana s-Sibt, żdiedet il-pressjoni fuq Ħamrun sabiex huma wkoll jiksbu rebħa sabiex jinżamm il-pass magħhom. Minkejja li quddiemhom kellhom lil Birkirkara, l-Ispartans ħarġu fuq in-naħa rebbieħa. Dan kien avversarju li l-ġimgħa li għaddiet elimina lil Ħamrun mill-FA Trophy.

Iżda din id-darba u nistgħu ngħidu finalment, Luciano Zauri sab il-formula tar-rebħ. Kienu gowl f’kull taqsima, it-tnejn mill-aqwa skorer tal-kampjonat, Luke Montebello. L-ewwel wieħed bi ftit ta’ fortuna hekk kif xutt b’saħħtu ta’ Camenzuli ħabat miegħu, u t-tieni b’eżekuzzjoni perfetta mill-ħdax-il metru. B’hekk jidher li t-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat ser tibqa’ sal-aħħar ġurnata, jew aħjar minn  hekk jiddeċiedi l-konfront dirett bejn Ħamrun u Floriana li jintlagħab fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Għal Birkirkara pass ieħor lura li jikkwalifikaw għall-Ewropa fejn jittamaw f’suċċess fit-Trophy.

Luke Montebello skorja dopjetta kontra l-eks tim tiegħu Birkirkara (Ritratt: Trevor Sollars)

F’logħba nieqsa mill-azzjonijiet fuq il-lasti rispettivi, draw ta’ mingħajr gowls bejn Hibernians u Sliema Wanderers. Forsi l-Pawlisti kienu aktar fil-bżonn tal-punti mill-avversarji tagħhom hekk kif Sliema huwa prattikament ċerti mit-tielet post. Mill-banda l-oħra Hibernians qegħdin f’taqtigħa l-aktar ma’ M’Xlokk sabiex jispiċċaw fir-raba’ post tal-klassifika. Dan huwa l-uniku ċans jekk dejjem ikun il-każ, li jikkwalifikaw għall-Ewropa.

Il-logħba kellha ħinijiet twal bil-logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd, fejn stennejna ħafna aktar mill-attakkanti taż-żewġ timijiet. Hibernians issa jridu li ma jfallux, imma l-aħħar logħbiet mhux ser ikunu faċli b’mod partikolari dik li jmiss kontra Valletta, fejn dawn tal-aħħar jidher li jista’ jkun l-aħħar ċans għalihom għax jekk ma jirbħux, ikun ifisser li jisfgħu relegati. Dwell interessanti għal objettivi differenti, xi ħaġa li mhux normali naraw bejn tnejn minn fost l-aqwa timijiet f’pajjiżna.

Il-BOV plejer tal-Logħba, Lydon Micallef, fid-dwell kontra Kurt Shaw (Ritratt: Trevor Sollars)

Gżira United u Marsaxlokk kisbu punt kull wieħed wara partita bilanċjata fejn iż-żewġ timijiet tilfu okkażjonijiet prezzjużi li setgħu dawru r-riżultat favur tagħhom.  Riżultat li ftit li xejn bidel il-pożizzjoni tat-timijiet, Marsaxlokk jibqgħu fir-raba’ post filwaqt li l-Maroons ikomplu jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika minkejja li għadhom mhumiex salvi.  Il-partita kienet waħda bilanċjata fejn ir-riżultat ta’ draw kien l-aktar wieħed ġust. It-tnejn li huma, però, iridu jtejbu l-wirja tagħhom għal-logħbiet li jmiss jekk iridu li jispiċċaw kemm jista’ jkun ‘il fuq fil-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier.

Il-captain ta’ Gżira United, Zachary Scerri, bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Catriel Farrugia)

Kif kien mistenni, Balzan għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 4-1 biex anki għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri l-punti massimi kienu imparattivi sabiex jevitaw problemi fl-aħħar logħbiet tal-istaġun. Fil-fatt, Balzan kienu dominanti fejn kisbu dak li ħarġu għalih u b’ċertu awtorità u konvinzjoni. Verament li l-avversarji tagħhom kienu t-tim relegat ta’ Sirens, iżda xorta waħda t-tim deher determinat li xejn għajr it-tliet punti ma kienu ser jissodisfawh. Hekk kif f’mumenti tal-istaġun deher xi ftit tad-dlam għal Balzan, bil-mod il-mod jidher li d-dawl qed jidher mill-bogħod sabiex staġun ieħor jerġgħu jkunu mal-kbar.

Il-goalkeeper ta’ Balzan Rudy Briffa joħroġ għall-ballun fil-kaxxa (Ritratt: Catriel Farrugia)

Draw ta’ 1-1 bejn Mosta u Santa Lucia, żewġ timijiet li qed jissieltu sabiex jevitaw ir-relegation. Punt li prattikament ma kkkuntenta lil ħadd minnhom hekk kif minkejja li f’dan il-mument kull qatra tgħodd, rebħa kienet tkun tiswa daqs mitqlu deheb għaż-żewġ naħat. Kienu Mosta li marru fil-vantaġġ f’mument delikat tal-partita meta huma sabu x-xibka fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel ħamsa u erbgħin minuta. Iżda s-Saints kienu intelliġenti biżżejjed li żammew il-kalma biex mas-siegħa logħob kisbu l-gowl tad-draw. Huma qed ikollhom it-tieni parti tal-istaġun tajjeb wara li bdew ħażin ħafna, fejn determinanti qed ikun il-kowċ Zinnari li bidel għalkollox l-atteġġjament tat-tim. Huma qed ikomplu jemmnu li jistgħu jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier.

Naxxar Lions telgħu b’wieħed u tletin punti wara rebħa ta’ 4-2 kontra Gudja United fejn b’dawn it-tliet punti jistgħu jqisu lilhom infushom bħala salvi minkejja mhux matematikament. L-avversarji tagħhom kienu t-tim relegat ta’ Gudja United li kienu ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Balzan. Minkejja li t-tim immexxi minn Kerr Cumbo huwa  konxju li d-destin tat-tim huwa fic-Challenge League, xorta waħda kienu ta’ sfida u onoraw il-fixture b’dinjità.  Mill-banda l-oħra, Naxxar kienu ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 kontra Birkirkara. Għaldaqstant, it-tim ta’ Naxxar riedu jkomplu jibnu fuq dik il-partita biex iserrħu rashom mis-salvazzjoni, kif fil-fatt għamlu.

INNUTAJNA
LI
fi tmiem din il-ġimgħa kellna żewġ players li skurjaw hat trick kull wieħed. Dawn kienu Pablo Augusto Servo De Carvalho li b’hekk tella’ t-total tiegħu għal dan l-istaġun għal 9, u George Henry Blackwood ta’ Balzan li dawn kienu l-ewwel gowls għalih dan l-istaġun.

LI f’Sibt il-Għid kien hemm il-kwarti finali tal-Izibet FA Trophy. Fit-Tony Bezzina Stadium il-bnadar ittajru b’mod normali fil-bidu tal-partita. Iżda fi tmiem l-ewwel taqsima dawn tniżżlu mezz’asta kif suppost kienu mill-bidu.

LI meta issa wasalna lejn tmiem il-kampjonat hemm numru ta’ timijiet, l-aktar dawk li diġà
jafu d-destinazzjoni tagħhom, li qed jagħtu ċans lill-players żgħażagħ li jippromettu. Nemmen
li dan huwa eżerċizzju tajjeb li iżda hemm bżonnu aktar matul l-istaġun, forsi anki bi ftit ta’
riskju.