Lokali Qorti

L-AĠ imġiegħla tobdi l-ordni tal-Maġistrat Farrugia fuq proċeduri kriminali kontra l-Bank Pilatus

Kienet reġistrata kisba importanti ħafna fil-kawża ta’ Repubblika biex l-Avukat Ġenerali tobdi l-ordni tal-Maġistrat Ian Farrugia u tniedi proċeduri kriminali kontra l-klikka tal-Bank Pilatus. il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili t-Tnejn laqgħet it-talba tal-NGO u ordnat li nhar is-17 ta’ Ġunju li ġej jitla’ jixhed ir-Reġistratur tal-Qorti u jesibixxi l-estratti ewlenin mill-Inkjesta Pilatus kif ilha titlob Repubblika.

L-Avukat Ġenerali ilha iktar minn sena topponi din it-talba b’legaliżmi li ftit jagħmlu sens u kien għalhekk li l-Qorti preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, laqgħet it-talba ta’ Repubblika u ċaħdet l-argumenti kollha ta’ Victoria Buttigieg.

Din hi l-ewwel darba minn mindu fil-liġi Maltija ċ-ċittadin ingħata d-dritt li jattakka deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li Qorti ordnat li jkunu esibiti partijiet minn Inkjesta Maġisterjali. Repubblika qalet li dan hu pass importanti immens biex tinkiseb ġustizzja u titwaqqaf l-impunità f’pajjiżna.

Permezz tad-dokumenti li se jiġu esibiti, il-Qorti se tkun tista’ tara b’għajnejha li dak li kien ippubblika n-Nutar Robert Aquilina sena ilu fil-ktieb ‘Pilatus’, hu l-verità u xejn anqas mill-verità. B’hekk fis-17 ta’ Gunju li ġej l-Istat ġie ordnat jesebixxi fost oħrajn:

il-proces verbal tal-Maġistrat Ian Farrugia;

ir-rapport voluminuż tal-esperti forensici Duff & Phelps li kienu ikkonkludew l-involviment kriminali u ħasil ta’ flus tal-uffiċjali tal-Bank Pilatus;

ir-rapport konklussiv tal-Magistrat Farrugia li kien mexxa dik l-Inkjesta; u

l-ordni tal-Maġistrat Farrugia biex isiru investigazzjonijiet ġodda fuq trasferiment ta’ flus ta’ Egrant.

L-Avukat Jason Azzopardi ilu mill-bidu jassisti lil NGO.