Internazzjonali

L-Ukrajna: L-avvanzi tar-Russi għadhom ‘gradwali u mhux deċiżivi’

L-aħħar rapport mis-servizzi sigrieti tar-Renju Unit enfasizza li l-militar tar-Russja, f’dawn il-jiem, ftit li xejn għamel progress sinifikanti waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.

Ir-rapport, li kien deklassifikat fil-bidu tal-ġimgħa, żied li l-Armati tal-Kremlin, minkejja l-bumbardamenti kontinwi fuq l-ibliet tal-Ukreni, ma wettqu l-ebda progress li kapaċi jħalli xi impatt kbir għall-gwerra – u li l-avvanzi tas-suldati ta’ Vladimir Putin qed iseħħu biss fuq livell ‘gradwali’.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet, iżda, il-qawwiet Russi komplew javvanzaw qalb iz-zoni lejn il-Lvant tal-Ukrajna – u partikularment fl-inħawi tal-Punent ‘il hinn minn Avdiivka.

Il-gwerra tal-art fl-Ukrajna ilha tistenna żblokk tassew deċiżiv mindu t-truppi tal-Kremlin, fi Frar tal-2022 qasmu l-fruntiera lejn dan il-pajjiż biex taw bidu għall-konflitt li issa daħal fit-tielet sena tiegħu.

Hu ċert, intant, li mill-aħħar ta’ Marzu ‘il hawn, it-truppi Russi effettivament ħatfu l-kontroll tal-villaġġi ta’ Tonenke u Orlivka li għandhom importanza strateġika kemm għalihom kif ukoll għall-Ukreni.

Madankollu, staġnaw l-azzjonijiet militari tar-Russi fuq diversi fronti oħra tal-gwerra fejn l-Ukreni — huma u jitolbu aktar għajnuna mill-Punent – qegħdin jirreżistu bis-sod qalb diversi setturi tal-konflitt.

Sadanittant, is-servizzi sigrieti Britanniċi wissew lill-Alleati tal-Punent dwar il-ħtieġa li huma jaġġornaw ruħhom ma dak li qed iseħħ matul il-gwerra tal-art fl-Ukrajna.

Dan meta r-rapport jinsisti li r-Russja – minkejja numru ta’ disfatti militari — għad għandha vantaġġ kbir fuq l-Ukreni rigward ‘il-kwantità tas-suldati, munizzjon u tagħmir tal-gwerra’ .