L-International Atomic Energy Agency – jew kif inhi magħrufa l-IAEA — wissiet lir-Russja kif ukoll lill-Ukrajna dwar il-periklu ta’ eskalazzjoni fuq livell nukleari waqt il-gwerra fl-artijiet Ukreni.
Fl-istess ħin, l-aġenzija, bħala l-osservatur uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li attakk bid-drones li seħħ fl-aħħar sigħat fuq il-faċilità ta’ Zaporizhzhia żied is-sogru għal ‘inċident nukleari ewlieni’ li għandu jħalli riżultati katastrofiċi għar-reġjun kollu.
Ir-Russja, sadanittant, qed takkuża lill-qawwiet Ukreni b’konnessjoni mal-azzjoni bid-drones u fost rapporti li wieħed mid-drones ħalla numru ta’ midruba.
Intant, l-Ukrajna ċaħdet għall-akkużi fost l-istqarrijiet li r-Russi jridu ‘iwaddbu l-ġebla u jaħbu idejhom’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.
L-impjant ta’ Zaporizhzhia, fin-Nofsinar tal-Ukrajna, hu l-akbar faċilità nukleari fl-Ewropa kollha, b’xejn anqas minn sitt reatturi fi ħdanha. Intant, din il-faċilità hi kontrollata mir-Russi u tinsab f’zona tal-gwerra li ilha attiva għal ħafna xhur.
L-IAEA, sadanittant, ilha twissi dwar l-attakki u l-azzjonijiet militari fil-viċinanzi tal-faċilità u l-Kap tal-aġenzija, Rafael Grossi, qal li l-aħħar sparatura tad-drones kienet azzjoni ‘mill-aktar irresponsabbli’ u li setgħet wasslet għal eskalazzjoni kbira tal-periklu fuq livell nukleari.
Dan meta l-faċilità ta’ Zaporizhzhia qed tiffaċċja t-theddid għas-sigurtà tagħha minn jum għal ieħor u skont l-iżviluppi tal-gwerra.
Il-qawwiet Russi kienu ħatfu l-kontroll tal-faċilità ftit wara li huma wettqu l-offensiva storika fuq l-Ukrajna fi Frar tal-2022 u fejn huma okkupaw medda ta’ territorji, inkluża l-parti kbira tar-reġjun ta’ Zaporizhzhia.
Il-faċilità, fl-2022, ma komplietx tiġġenera l-enerġija iżda xorta baqgħet sallum teħtieġ provvista tal-enerġija kontinwa li tberred wieħed mir-reatturi li għadu mhux għal kollox deattivat.
L-IAEA, li għandha l-esperti tagħha preżenti f’Zaporizhzhia, issa konfermat ‘l-impatt fiżiku tal-attakki bid-drones’ fl-inħawi tal-impant u anki viċin wieħed mis-sitt reatturi. Dan waqt li l-amministraturi tal-faċilità li jirrappurtaw direttament lil Moska qalu li l-livelli tar-radjazzjoni (fl-impjant) huma normali u li d-drones ma ħallewx xi ħsarat kbar.
//= $special ?>

