Raġel li d-dettalji kollha tiegħu ma jistgħux jiġu ppubblikati, ma nstabx ħati li abbuża sesswalment lin-neputija tiegħu wara li din waqqgħet il-każ kontrih. Huwa kien għaddej proċeduri li fl-2015, u fix-xhur ta’ qabel, ħa sehem f’attivitajiet sesswali man-neputija meta kienet taħt il-15-il sena.
Huwa kien mixli wkoll li kkorrompiha meta kienet għadha m’għalqitx it-12-il sena, li jfisser li f’każ’ ta’ ħtija l-piena tkun waħda aktar ħarxa. Il-każ beda jiġi investigat wara li t-tfajla rrapportat il-każ lill-pulizija. Hi allegat li huwa kien jgħaddi kummenti sesswali, kien iħobb joqgħod bla ħwejjeġ quddiemha u kien hemm mumenti meta mess il-parti privata tagħha.
Dan allegatament kien iseħħ waqt li hija u l-ġenituri kienu jgħixu għand in-nanniet tagħha fejn kien jgħix ukoll zijuha. Fuq il-pedana tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, it-tfajla qalet li ma xtaqitx tixhed kemm għax l-akkużat jiġi zijuha u anke għall-ġid tas-saħħa mentali tagħha.
Missierha qal li huwa sar jaf bl-allegat abbuż ħafna wara waqt li l-omm qalet li saret taf minn tabiba. L-akkużat dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru kontrih minn neputija tiegħu. Filwaqt li kkonferma l-istqarrija tiegħu u fejn għal darb’oħra ċaħad l-allegazzjonijiet magħmulin kontrih u jgħid illi din kienet
kollha messa in xena min-naħa ta’ missier il-minuri peress li dak iż-żmien ommha u missierha kienu għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni personali.
Tenna li l-missier kien ikun ta’ spiss abbużiv verbalment miegħu tul is-snin li kienu jgħixu mal-ġenituri tiegħu li waqa’ f’dipressjoni u ħarġitlu l-OCD u ansjetà kbira tant li kien segwit mill-psikjatra David Mamo.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li mill-provi li tressqu quddiemha, l-akkużi ma ġewx pruvati u għalhekk illiberat lir-raġel minn kull akkuża.
L-Ispettur Clayton Camilleri mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>