Għawdex Lokali

Peter Agius jiftaħ uffiċċju f’Għawdex

Peter Agius, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fetaħ Uffiċċju fi Triq Karlu Galea, fir-Rabat Għawdex. Dan hu t-tieni uffiċċju li fetaħ Peter Agius wara dak fi Triq ir-Rebbiegħa fil-Mosta.

Peter Agius qal “Fl-aħħar ħames snin żort Għawdex u ltqajt mal-Għawdxin biex nifhem aħjar l-isfidi u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-familji u n-negozji. Issa qed niftaħ uffiċċju f’Għawdex biex ikolli bażi permanenti minn fejn inkun nista nżomm kuntatt b’mod kontinwu. Meta tffitxuni ser issibuni hawn fostkom f’Għawdex.”

Peter Agius spjega li bosta Għawdxin jkellmuh dwar il-bżonn ta’ konnettività aħjar. Hu fakkar li r-raba’ vapur mhux biss qadim u bi problemi ta’ aċċessibbilita iżda minħabba tiswijiet il-Kumpanija Gozo Channel spiss tispiċċa b’vapur anqas.

Hu qal li f’pajjiżi oħra bħad-Danimarka, bosta gżejjer qed jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex jinvestu f’vapuri ġodda li jaħdmu bl-elettriku. Peter Agius qal li ser jimbotta biex Għawdex ukoll jagħmel użu minn fondi Ewropej sabiex itejjeb il-konnettività.

“Il-Gvern għandu jistinka biex Għawdex jibbenefika minn fondi Ewropej fis-settur tal-konnettività bl-istess entużjażmu li ħadem biex il-Ministru Anton Refalo jieħu fondi Ewropej għal-lukanda.”

Peter Agius stqarr li l-missjoni tiegħu hi li juża l-għoxrin sena esperjenza fl-Ewropa biex jassigura li l-ligijiet u l-miżuri Ewropej tassew ikunu fl-interess ta’ Għawdex li għandu bżonnijiet differenti minn ta’ Malta u minn ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.

“Lest naħdem fil-Parlament Ewropew biex nassigura li t-tfassil tal-politika Ewropea tkun adattata għall-karatteristiċi ta’ Għawdex. Għalhekk se nsegwi mhux biss il-kumitat tal-politika reġjonali iżda wkoll kumitati oħra importanti għal Għawdex fosthom il-Kumitat għall-Budget kif ukoll il-Kumitat għat-trasport fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jolqtu lil Għawdex.”

Peter Agius sostna li mhux biżżejjed li ngħidu li Għawdex reġjun. “Irrid awtonomija effettiva fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-fondi Ewropew għal Għawdex. B’hekk tassew il-fondi Ewropej jintużaw fejn verament għandhom bżonn l-Għawdxin inkluż fil-konnettività.”

Hu żied li hemm bżonn emendi konkreti fil-Qafas finanzjarju multi-annwali (MFF) li jmiss biex tikber ir-rata ta’ ko-finanzjament għal fondi Ewropej f’Għawdex.

Biex tagħmel appuntament ma’ Peter Agius ibgħat email fuq kellimni@peteragius jew ċempel l-uffiċċju ta’ Għawdex fuq 99839404.