Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li wettqet tliet serqiet fl-Imrieħel

Żagħżugħa ta’ 20 sena minn Santa Venera ġiet ikkundannata sena ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Noel Bartolo wara li ammettiet li fis-sajf li għadda wettqet tliet serqiet li jikkonsistu f’oġġetti minn stabbilimenti kbar fl-Imrieħel.

Minn dak li qalet il-prosekuzzjoni Aisha Aghil ma kinitx waħidha waqt is-serqa, iżda kienet fil-preżenza ta’ persuna ohra femminili. Mill-cameras tas-sigurtà rriżulta li fl-10 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, f’xi ħin wara nofsinhar, it-tfajliet serqu Nintedo u xi fwejjaħ.

Fi Frar, it-tfajla li kienet ma’ Aghil ammettiet ukoll għall-akkuzi u ġiet ikkundannata 18-il xahar sospiżi għal erba’ snin filwaqt li riedet tħallas lura l-ammont li serqet.

Wara li l-Qorti semgħet trattazzjoni dwar il-piena, sabet lill-imputata ħatja u kkundannata sena prigunerija sospiża għal sentejn. Il-Qorti qieset il-fatt li Aghil ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius Bonello, megħjun mill-Avukat Manuel Grech, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.