Lokali

AĠĠORNATA: Thomas Merz-Zurawski huwa r-raġel li tilef ħajtu fl-inċident t’Għawdex

Thomas Merz-Zurawski huwa l-Ġermaniż ta’ 64 sena residenti x-Xagħra Għawdex li tilef ħajtu wara li baqa’ dieħel f’arblu bil-mutur.

L-inċident seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tat-8:30 fi Triq Marsalforn, iż-Żebbuġ Għawdex.

Fi stqarrija ntqal li l-Pulizija kienu fuq ronda meta lemħu raġel mal-art wara li kien għadu kemm kellu inċident bil-mutur u immedjatament bdew jagħtuh l-assistenza.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-mutur bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’arblu. Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, iżda sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.

Intant, bosta persuni fuq il-midja soċjali qalu li Thomas Merz-Zurawski kien raġel li verament iħobb il-ħajja. Oħrajn qalu wkoll li huwa dejjem kien bi tbissima fuq wiċċu u kellu għal qalbu tajba.