Il-Ġermanja, filwaqt li ċaħdet kull konnessjoni mal-ġenoċidju, għamlitha ċara li tqis is-sigurtà ta’ Iżrael bħala ‘pedament prinċipali’ tal-politika barranija tagħha. U l-messaġġ ċar hu li ‘l-istorja tal-Ġermanja’ hi l-akbar raġuni għal din il-politika wara s-snin ta’ persekuzzjoni u massakri li sofra l-poplu Lhudi taħt ir-reġim Nażista ta’ Adolf Hitler, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan meta l-Ġermanja qed tiddefendi l-akkużi, imressqa min-Nikaragwa, fis-sens li Berlin abbuża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tħares kontra l-ġenoċidji meta provda lill-Iżraeljani bit-tagħmir militari, minbarra li waqqaf il-finanzjament tal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tipprovdi l-għajnuna lill-Palestinjani.
Il-proċess għaddej fl-Ogħla Qorti tan-NU f’The Hague u fejn l-avukat Tania von Uslar-Gleichen, ir-rappreżentant tal-Ġermanja, insistiet li l-każ imressaq min-Nikaragwa ma jibbażax fuq il-fatti minbarra li hu indirizzat l-aktar lejn Iżrael. Hi, intant, akkużat lin-Nikaragwa b’li qed iħares lejn il-konflitt tal-Iżraeljani mal-Ħamas min-naħa waħda biss u mingħajr ma tagħraf u tapprezza l-fatti u r-realtajiet tal-konflitt fil-Medda ta’ Gaza.
Il-Ġermanja, fl- 2023, ipprovdiet madwar 30 fil-mija tat-tagħmir militari li xtrat Iżrael matul is-sena li għaddiet. Madankollu, l-avukat Uslar-Gleichen spejgat li n-Nikaragwa preżentat ‘stampa falza u qarrieqa’ dwar il-kwalità u l-iskopijiet tal-armamenti u l-provvisti militari esportati minn pajjiżha.
Fl-istess ħin, il-Ġermanja anki għamlitha ċara mal-Qorti ta’ The Hague li qed tagħmel minn kollox biex tirrispetta r-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta’ Iżrael u daqstant ieħor il-poplu Palestinjan f’dan iż-żmien delikat.
//= $special ?>