Lokali

Ħaddiema tat-trasport pubbliku mhedda li jitkeċċew; sfurzati jitfgħu fit-toroq karozzi tal-linja difettużi

Xokkanti fil-vera sens tal-kelma. Il-kumpanija Malta Public Transport qed tiġi akkużata b’theddid fuq ħaddiema mechanics tal-kumpanija fejn qalulhom li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom għax il-kumpanija sejra ħażin.

Agħar minn hekk qed jisħqu mal-ħaddiema, l-aktar ma’ wieħed partikolari li għandu responsabbiltà kbira fil-kumpanija, biex jitfa’ l-karozzi fit-toroq bil-ħsara, fosthom bi brejkijiet ma jaħdmux sew u difetti oħra. Dan għax mhux jaċċetta li joqgħod ma’ dawn l-ordnijiet minħabba l-periklu li jista’ jinħoloq fit-toroq lill-passiġġieri. Minħabba li qed jirriffjuta li japprova karozzi bil-ħsara spiċċa wkoll biex qala’ diversi warnings.

Claudio Cutajar ta’ 43 sena ppreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Malta Public Transport li tagħha huwa impjegat bħala supervisor sa minn Lulju 2020. Cutajar, li ghandu ‘l fuq minn 10 snin esperjenza jaħdem fil-magni tal-vetturi kbar ħafna, inkluż karrozzi tal-linja u trakkijiet kbar ħafna, ħadem ukoll fl-Irlanda, qabel l-2020 mal-ikbar operatur tat-trasport Irlandiż bħala ‘work shop manager’.

Bħala supervisor mal-MPT, xogħol Cutajar huwa li jara li kull vettura tal-karozzi tal-linja tas-servizz pubbliku f’Malta u Għawdex ikunu f’qagħda li jinstaqu fit-toroq, li tkun sigura għal min ikun fuqha u li tkun sigura għall-vetturi u persuni oħra fit-toroq Maltin u Għawdxin. 

B’mod partikolari għandu l-oneru li ma japprovax li karrozza tal-linja tal-Malta Public Transport toħroġ barra mill-garage ġewwa l-bitħa f’Ħal Luqa jekk ma tkunx tajba għat-triq, jekk ma tkunx konformi mar-regoli tat-traffiku fit-toroq, u jekk tista’ mqar tkun ta’ periklu jew riskju għal terzi.

Dan iffisser ukoll li parti mid-dmirijiet tiegħu huwa li jqassam ix-xogħol tat-tiswijiet tal-karrozzi tal-linja fost il-mechanics kollha u li japprova li x-xogħol ta’ tiswijiet ikunu għamluh tajjeb, skont is-sengħa u l-arti, u skont il-liġijiet u regolamenti tat-traffiku.

Gara li f’Mejju tas-sena 2023, wieħed mid-Diretturi tal-kumpanija li magħha jaħdem, ċertu Robert Sofia, irriżenja mill-kariga tiegħu u minfloku nħatar ieħor (barrani wkoll) li jitkellem bil-lingwa Spanjola, ċertu Hector Astorga miċ-Ċili.

Kumpanija li għaddejja minn żmien diffiċli

Ftit ġranet wara li nħatar Direttur, Hector Astorga laqqa’ ‘l-ħaddiema tal-Malta Public Transport fl-istore tal-bitħa f’Ħal Luqa biex jgħidilhom, inkluż lil Claudio Cutajar, li peress li l-kumpanija kienet għaddejja minn żmien diffiċli ħafna, speċjalment minħabba l-ħafna hsarat tal-karozzi tal-linja u allura l-ħafna ‘spare parts’ li kien qed ikollhom jixtru. Qalilhom ċar u tond li jekk l-affarijiet ma jitjibux, kien se jkollu “jniżżel ix-shutter” u jkeċċihom ‘il barra.

Bħala riżultat ta’ dan id-diskors, li evidentement kellu skop ċar iżda mhux dikjarat, numru imdaqqas ta’ ħaddiema, inkluż mechanics, irriżenjaw minn mal-kumpanija u bdew ifittxu impjieg band’oħra. Dan kellu bħala konsegwenza li x-xogħol tat-tiswijiet fuq il-karrozzi tal-linja waqa’ fuq numru żgħir immens ta’ mechanics li litteralment ma bdewx ilaħħqu ilestuhom sal-ħin (ħafna drabi ġurnata jew tnejn) li jkun mogħti minn Cutajar sabiex jerġgħu jinħarġu fit-triq għall-ġarr tal-passiġġieri.

Imbagħad f’Diċembru 2023, id-Direttur Astorga waqqaf l-overtime kollu u dan wassal biex iktar ħaddiema, inkluż iktar mechanics, irriżenjaw minn mal-kumpanija. Biss biss, wara Mejju tas-sena li għaddiet, mhux inqas minn tmien mechanics u żewġ electricians irriżenjaw mill-impjieg. L-effett ta’ dawn ir-riżenji kollha kien u hu li litteralment umanament u impossibbli għall-ftit mechanics, madwar sebgħa, li baqa’ biex ilaħħqu mat-tiswijiet.

Il-protest jgħid ukoll li minħabba din is-sitwazzjoni ta’ ammont relattivament baxx ħafna ta’ mechanics u electricians li baqgħu impjegati mal-kumpanija fl-aħħar xhur, ma żdiedx biss b’mod sproporzjonat ix-xogħol għall-mechanics u persuni tekniċi oħra li jridu jagħmlu t-tiswijiet neċessarji ta’ kuljum fuq il-karrozzi tal-linja, iżda, u hawn hu dak li qed jixpruna Cutajar,

Il-pressjonijiet indebiti, immorali u illegali mit-tmexxija tal-kumpanija fuq Cutajar biex jiċċertifika bħala ‘roadworthy’ karozzi tal-linja li ma jkunux tajbin għat-triq.  Għax sa minn Jannar li għadda, Cutajar qed ikun imgiegħel, u dan mhux darba jew tnejn, mit-tmexxija tal-kumpanija biex jgħaddi mill-“eżami” tiegħu bħala supervisor, karozzi tal-linja li ma kinux ‘roadworthy’, li kienu ta’ periklu għal min ikun fihom u għal terzi, bħal pereżempju vetturi (karozzi tat-trasport pubbliku) li evidentement ma kellhomx il-brakes jaħdmu kif suppost u fil-massimu tagħhom.

Theddid fil-konfront ta’ Cutajar

Minħabba li Cutajar irrifjuta li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu u jigdeb fuq il-istat ta’ ‘roadworthiness’ ta’ diversi karozzi tal-linja fl-aħħar xhur, huwa ġie mhedded u qed jiġi mhedded mit-tmexxija tal-kumpanija li jitkeċċa taħt skużi ivvintati.

Fil-fatt f’Marzu 2024, Cutajar irċieva żewġ twissijiet mit-tmexxija tal-kumpanija li huma purament montaturi biex il-Malta Public Transport teħles minnu bil-pulit taħt skuża ta’ tliet twissijiet.  Kieku kellu xi tort fil-qadi ta’ dmirijietu, ma kienx jippreżenta tali protest ġudizzjajru. 

Iżda ż-żewġ twissijiet li ngħata fl-aħħar ġimgħat huma sempliċement skuża biex il-kumpanija tgħatti xturha minn impjegat li ma jridx ikollu fuq il-kuxjenza tiegħu ebda inċident jew mankament ta’ passiġġieri jew nies fit-triq.

Tant kemm dan hu minnu, li fit-30 ta’ Jannar li għadda, ċertu Joe Grixti, li huwa workshop manager impjegat mal-kumpanija, ordna lil Cutajar biex  japprova l-ħruġ ta’ diversi karrozzi tal-linja li kienu għat-tiswijiet u li ma kinux għadhom lesti.

Tnejn minnhom (numru 094 u numru 652) kellhom ħsara sostanzjali li fisser li assolutament ma setgħux jinstaqu bla periklu għan-nies. Il-karrozza tal-linja numru 094 kellha ż-żejt tad-differential tar-rota ta’ wara jnixxi. 

Iż-żejt kien qed jiksi u jxarrab il-brakes tar-rota. B’hekk minbarra li l-brakes ma setgħux jaħdmu sew, kien hemm il-periklu li bis-sħana tal-brakes waqt is-sewqan, iż-żejt jaqbad u f’kemm trodd salib, taqbad il-karozza tal-linja.

Mal-protest ġie ppreżentat ritratt tal-istat tar-rota ta’ wara tal-karrozza tal-linja numru 094, li juri ż-żejt tad-differential inixxi u l-brakes miksijin żejt u li kienet ta’ periklu. Fi kliem safi, il-kumpanija ordnat lil Cutajar fit-30 ta’ Jannar li għadda biex jigdeb billi jgħid li l-karozza tal-linja msemmija kienet ‘roadworthy’, meta ma kinitx. Minħabba li Cutajar irrifjuta, ġie mhedded li jitkeċċa mill-impjieg u ngħata twissija bil-miktub taħt skuża fażulla.

Cutajar dejjem kellu għal qalbu s-sigurtà ta’ nies innoċenti
Dan ifisser li għax Cutajar ġab is-sigurtà tan-nies innoċenti qabel l-impjieg tiegħu, huwa ġie mhedded minn min iħaddmu, u ngħata warning bil-miktub għal xi ħaġa ivvintata. Dakinhar fit-30 ta’ Jannar 2024, Cutajar ġie ordnat jagħmel din il-ġennata billi jigdeb fuq karrozza li kienet ta’ periklu.  

Hu baqa’ jirrifjuta u huwa qal dan il-kliem testwali lil Joe Grixti: “Joe, jekk trid terfagħha int, erfagħha, imma jien m’iniex se jkolli fuq il-kuxjenza tiegħi li xi ħadd ikorri”. Meta Joe Grixti kien rinfaċċjat bir-rifjut ta’ Cutajar li jagħti l-permess tiegħu sabiex din il-vettura tinħareġ mill-garage tal-kumpanija, għax ma kinux sarulha t-tiswijiet meħtieġa (u li kienu tiswijiet li jeffetwaw ir-roadworthiness tal-vettura).

Cutajar qal lil Grixti li ma setgħux jilagħbu man-nar b’dak il-mod għax il-karti tax-xogħol (bħal job card) kienu ħa juru t-tiswijiet li suppost sarulha lil din il-karrozza tal-linja:- “Claudio, għala qed tinkwieta? Il-karti mhux għandna qegħdin? Intuhom tat-truck ta’ qabel u mhux ta’ dan”! Qallu Grixti.

Dan il-kliem intqal quddiem supervisor ieħor ġdid barrani u supervisor ieħor Malti li jieħu ħsieb it-tellara u l-isprayers. Kien hemm karrozza tal-linja oħra dakinhar tat-30 ta’ Jannar 2024, li Grixti kien ordna lil Cutajar biex japprova bħala safe meta ma kinitx.

Din kienet bin-numru 652 u kellha problema serja fil-kingpin tar-rota u cioè, ir-rota kellha probabbilità li tinqala’ ‘l barra waqt is-sewqan. Ma kinux tiswijiet kożmetiċi li din il-vettura (li hija karoza tal-linja tat-trasport pubbliku) kellha bżonn, iżda kienu ta’ natura serja u li kienu jirrikjedu ħafna xogħol u ħafna spare parts għax kienu jirrigwardaw il-kingpin tar-rota ta’ quddiem (u allura r-rota kellha probabbiltà li tinqala’ waqt is-sewqan bil-periklu li dak kollu jġib miegħu).

Joe Grixti qal hekk lil Cutajar dakinhar: “Jekk jinqala’ xi ħaġa u jweġġa’ xi ħadd, inti toqgħodx tinkwieta għax kulma ħa jkollok hu 50% biss tar-responsabbilità, għax il-50% l-oħra ha jkunu fuq il-kumpanija …jekk jinqala’ xi ħaġa, mhux int waħdek ħa teħel …m’hemmx aħna wkoll miegħek?”!

Għal liema kliem, Cutajar wieġbu hekk: “Joe, għaliex għandi neħel jien magħkom ta’ xi ħaġa li ma rridx nagħmel?” Daqstant hija irresponsabili l-kumpanija u daqstant tiġi taqa’ u tqum mis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, passiġġieri u nies fit-triq. Dan ma kienx biżżejjed. Talli Cutajar irrifjuta dakinhar, il-kumpanija ħarġitlu twissija (written warning) oħra taħt skuża fażulla fl-20 ta’ Marzu 2024.

Wara t-30 ta’ Jannar 2024, Cutajar waqaf milli japprova l-ħruġ ta’ karozzi tal-linja minn ġol-garage.
Fil-bidu ta’ Frar 2024, il-kumpanija, permezz ta’ Joe Grixti u Danilo Overend, kienet ordnat lil Cutajar u żewġ supervisors oħrajn biex jieqfu jaħdmu ta’ bil-lejl u ċioè, biex ma jkunx hu li jkun xogħol meta jkunu jridu jiġu ċċertifikati l-karozzi mit-tiswijiet qabel joħorġu filgħodu kmieni. 

Dan l-istat ta’ fatt dam madwar xahar biex fl-20 ta’ Marzu 2024, Hector Astorga, Direttur tas-soċjetà, ta ‘written warning’ ‘lil Cutajar għax ma kienx obbda lis-superjuri tiegħu. Jinghad ukoll li fit-27 ta’ Marzu 2024 il-kumpanija ħarġet written warning ieħor lil Cutajar mibni totalment fuq gidba faħxija, u ċioè li hu kien ħareġ it-trakk bin-numru 144 mingħajr ‘out inspection’.

Din hija gidba. Dan Cutajar jista’ jikkonferma bir-ritratti ta’ ‘out inspection ‘iffirmat minn min għamel l-‘out inspection’ li ġew ukoll preżentati mal-protest ġudizzjarju. Dan kollu juri li l-kumpanija riedet tagħmel frame up fuq Cutajar bi tpattija talli ma jridx jagħmel kompromessi mad-doveri tiegħu.

Fuq il-karozza tal-linja numru 837, li fost ħsarat oħra kellha l-brake pads ta’ wara jaħdmu b’29% u 62% BISS. Skont il-kumpanija, Cutajar kellu jagħlaq għajnejh u japprovaha għas-sewqan minkejja li t-tiswijiet tal-ħsarat ma sarux.

Rapport tal-mechanic tal-04.03.24 fuq il-karozza tal-linja numru 901, li fost ħsarat oħra kellha ħsarat kbar fil-kingpin tar-rota ta’ quddiem tal-lemin. Hawn ukoll, skont il-kumpanija, Cutajar kellu jagħlaq għajnejh u japprovaha għas-sewqan minkejja li t-tiswijiet tal-ħsarat ma sarux. Bħal dawn kien  hemm oħrajn.

Wara din il-litanija ta’ rifjut fl-4 ta’ Marzu 2024 mill-protestant li japprova għas-sewqan dawn il-karozzi tal-linja b’tali ħsarat li ma kinux indirizzati, il-protestata ħarġitlu żewġ warnings, fl-20 u fis-27 ta’ Marzu 2024. L-ewwel warnings li huwa rcieva fl-aħħar sena u nofs, u kumbinazzjoni tnejn f’temp ta’ ġimgħa.

Ġie ppreżentat ukoll Whatsapp chat bejn Cutajar u Joe Grixti dakinhar tat-30 ta’ Jannar 2024, fejn Cutajar qallu li: “sorry, I am not taking bad decisions from no one”. Dan meta Grixti ried li Cutajar imur kontra l-ligi (fl-istess messaġġ tat-30.01.24 jidher ċar kif Joe Grixti qed jgħid lil Claudio Cutajar li għandu jħalli joħorġu l-karozzi tal-linja bil-ħsarat “and call them again”.

Jiġifieri, karozza bil-ħsarat (inkluħ brakes/roti) u li filgħodu tinħareġ xorta waħda anke jekk bil-ħsarat kif kienet il-lejl ta’ qabel, u se mai tigi recalled wara xi jiem. Addio s-safety fuq it-toroq. Tant kemm hi serja s-sitwazzjoni interna tan-nuqqas ta’ tiswijiet ta’ emerġenza neċessarji tal-karozzi tal-linja, li Cutajar stess jitwerwer jekk u meta xi ħadd tal-familja tiegħu jirkeb karozza tal-linja għax hu jaf x’inhi s-sitwazzjoni interna. Kemm hu veru, hu stess lill-ibnu l-għażiż ma jħallihx jirkeb tal-linja.

Għaldaqstant, Cutajar, filwaqt li jgħidilha milli tkompli tivvinta l-gideb fuqu bħala tpattija talli hu irrifjuta li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu u kontra r-regolamenti u l-liġijiet tat-traffiku, u filwaqt li jirrespingi kull twissija li ngħata mill-kumpanija fl-aħħar xaharejn peress li huma msejsa fuq gideb u vendikazzjoni għax irid jagħmel xogħlu skont is-sengħa u s-sewwa, qed iżommha responsabbli għad-danni kollha li kkaġunatlu u li se tkompli tikkaġunalu bl-aġir irresponsabbli u illegali taghha.

Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.



 .