Is-soluzzjoni tal-Gvern Laburista għall-kriżi tal-enerġija hi li jikri generators temporanji li jniġġsu u li se jiġu jiswew lill-poplu Malti u Għawdxi mas-€37 miljun. Dan kollu meta m’hemm ebda garanzija ċara li s-sajf li ġej mhux se jerġa’ jinqata’ d-dawl bħalma ġara s-sajf li għadda.
Waqt id-diskors li għamel fl-attività politika tal-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li s-soluzzjoni tal-Gvern hi biss waħda; li se ġġib aktar problemi magħha …u li hi bbażata fuq fuel li jniġġes.
“Qalulna li se jagħmlu power station u mhux se jkollna problemi iktar,” qal Bernard Grech. “Qalulna li se jagħmlu power station li ma tniġġisx, issa nsiru nafu li se jikru generators illi jaħdmu bid-diesel. Mhux biss iħammġu u huma ħżiena, imma se nħallsu €37 miljun biex nużawhom ftit ġranet.”
Bernard Grech qal li wara li issa għaddew ix-xhur, għadna nisimgħu biss skużi għall-qtugħ tad-dawl.
“L-ewwel qalulna li m’hemmx problema ta’ ġenerazzjoni għaliex il-power stations qed jiġġeneraw biżżejjed elettriku,” qal Bernard Grech. “Imbagħad jgħaddu ftit ġranet u bdew jgħidulna li l-problema għaliex saħnu l-cables taħt l-art, għax saħan it-tarmak. Imbagħad qalulna għaliex hemm problema ta’ distribuzzjoni għax il-cables ta’ żmien l-Ingliżi. Il-verità hija waħda. Ir-roadmap tagħkom kienet biex tisirqu flus il-poplu u mhux biex tinvestu f’dan il-pajjiż.”
Bernard Grech spjega li kien biss il-Partit Nazzjonalista li ta soluzzjonijiet ċari għal dan is-settur.
“L-aħħar li kien hemm investiment sostanzjali, ta’ veru u bi pjan, kien l-investiment illi għamilna meta konna fil-Gvern. Meta għamilna l-interconnector,” qal Bernard Grech.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jipproponi t-tieni interconnector; proposta li kienet parti integrali mill-pjan fit-tul għall-Enerġija li l-Partit Nazzjonalista kien ippubblika fl-2021. Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex pajjiżna jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jikkumplimenta l-qalba għall-enerġija rinnovabbli, u jħaffef il-proċess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
//= $special ?>