Internazzjonali

Il-Hamas jirrifjuta l-offerta ta’ waqfien mill-ġlied fil-Kajr

Il-Hamas irrifjuta proposta Iżraeljana ta’ waqfien mill-ġlied li saret waqt taħditiet fil-Kajr, u l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li ġiet stabbilita data għall-invażjoni ta’ Rafah.

Il-Ħadd, l-Iżrael u l-Hamas bagħtu timijiet l-Eġittu għal taħditiet li kienu jinkludu medjaturi Qatari u Eġizzjani kif ukoll lid-Direttur tas-CIA William Burns.

Il-preżenza ta’ Burns enfasizzat pressjoni li qed tiżdied mill-Istati Uniti, l- alleat ewlieni ta’ Iżrael, għal ftehim li jeħles lill-ostaġġi Iżraeljani miżmuma f’Gaza u jikseb għajnuna liċ-ċivili Palestinjani.

Id-dettalji tal-proposta ma kinux magħrufa immedjatament.

F’Ġerusalemm it-Tnejn, jum wara li l-forzi Iżraeljani rtiraw lura minn xi zoni tan-Nofsinhar ta’ Gaza, Netanyahu qal li rċieva rapport dettaljat dwar it-taħditiet fil-Kajr.

Il-Prim Ministru Iżraeljan qal: “Qed naħdmu kontinwament biex nilħqu l-għanijiet tagħna, l-ewwel u qabel kollox il-ħelsien tal-ostaġġi kollha tagħna u l-kisba ta’ rebħa sħiħa fuq il-Hamas,” Netanyahu stqarr li din ir-rebħa teħtieġ id-dħul f’Rafah u l-eliminazzjoni tat-terroristi hemmhekk. Filwaqt li qal li din il-ħaġa se tiġri, ma speċifikax id-data.