Lokali Parlament

Il-parlament qed jiddiskuti 15-il xahar wara l-pjan ta’ żvilupp sostenibbli għall-2022


Stanley Zammit, PN


Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit ikkritika l-fatt li bħalissa l-parlament qed jiddiskuti l-pjan ta’ żvilupp sostenibbli għall-2022 15-il xahar wara.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament id-deputat Nazzjonalista qal li hu importanti li l-pajjiż jippjana biex iseħħ titjib fid-dimensjonijiet kollha.


Hu appella biex id-diskussjonijiet jagħtu valur miżjud u żied li fir-rapport m’hemmx dettalji dwar aspetti importanti dwar skemi li jikkonservaw l-enerġija, fosthom dawk tal-BCA dwar id-djar fiz-zona tal-Port il-Kbir.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-inizjattivi jridu jkunu investiment li għandhom irendu għal kwalità ta’ ħajja aħjar ta’ kull individwu. Hu tkellem dwar il-ġbir tal-informazzjoni u d-data, u qal li dan hu aspett importanti fil-kuntest tar-riċerka xjentifika. Din l-informazzjoni għandha tkun analizzata immedjatament.
Stanley Zammit tkellem dwar is-sistema tal-ippjanar u qal li r-rapport ma jurix is-sitwazzjoni ta’ din is-sistema fl-2022 u lanqas dwar x’sar; wisq inqas x’kien ippjanat li jsir. Hu qal li ma ttiħdux inizjattivi biex isir pjan ħolisitiku dwar is-settur.