Lokali Parlament

Il-poplu qed iħossu fgat jgħix f’Malta u ħafna jridu jitilqu


Janice Chetcuti, PN


Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti qalet li teżisti problema minħabba li ħafna nies qed iħossuhom fgati fil-pajjiż minħabba diversi nuqqasijiet fosthom nuqqas ta’ arja, u għalhekk iridu jitilqu minn Malta.
Hi enfażizzat l-importanza tas-serenità fil-ħajja u qalet li fost il-problemi ewlenin fil-pajjiż hi t-traffiku fejn qed jingħalqu diversi toroq b’mod regolari minħabba li m’hemmx l-ippjanar dovut bil-konsegwenza li toroq li jkunu għadhom kif saru jerġgħu jinqalgħu.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li diversi toroq qed jingħalqu mingħajr avviż minn qabel. Hi tkellmet dwar it-tniġġis u qalet li Malta għandha d-doppju tal-livelli aċċettabbli biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu fil-pajjiż.
Dan qed iwassal biex fl-arja jkun hemm partiċelli li jikkaġunaw mard u anki mwiet. Fl-aħħar ħames snin ma sar l-ebda tip ta’ titjib mill-gvern biex din ittheddia tkun irranġata. Fl-aħħar sentejn Malta kienet klassifikata bħala l-aktar pajjiż li fih sar bini.


Qalet ukoll li fil-pajjiż hawn 420,000 vettura waqt li skont l-NSO, għal kull kilometru kwadru ta’ toroq hawn 18,000 vettura. Problema oħra hi l-ħsejjes li hawn. Malta hi wieħed mill-iktar pajjiżi ffullati fid-dinja kollha bi ħsejjes ta’ kull tip ikkaġunati, fost l-oħrajn, mill-ħsejjes tal-kostruzzjoni bl-inġenji b’kollox. Dawn l-inġenji qed jgħaddu minn toroq ċentrali u joħolqu konġestjoni, ħsarat u frustazzjoni fost is-sewwieqa.


Problema oħra li tkellmet dwarha Janice Chetcuti kienet dik tal-iskart, fejn appellat biex l-infurzar ikun wieħed strateġiku. Hi trattat ukoll il-problema tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra u qalet li dawn l-imwejjed m’għandhomx jimblukkaw postijiet pubbliċi.