Lokali

“In-nies jixirqilhom jużaw tal-linja b’moħħhom mistrieħ” – PN

Il-Protest Ġudizzjarju li tressaq fil-Qorti llum minn supervisor impjegat ma’ Malta Public Transport hu ta’ tħassib kbir. Fih qed ikun allegat li dan is-supervisor kien qed jiġi mhedded biex jiċċertifika bħala tajbin għat-triq karozzi tal-linja bi ħsarat u problemi serji, inklużi karozzi bi brejkijiet li ma jaħdmux sew, karozzi jnixxu ż-żejt u karozzi bil-pin tar-roti difettuż, b’riskju li r-rota tinqala’.

Hekk sostna fi stqarrija Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, waqt li kompla jgħid li n-nies qed iħallsu miljuni kbar f’sussidji lill-operatur tat-trasport pubbliku. Għal dawn il-flus, in-nies mhux biss jistennew servizz tajjeb u fil-ħin fuq ir-rotot kollha imma, fuq kollox, jistennew li meta jitilgħu fuq karozza tal-linja ma jkunux qed jirriskjaw il-korriment jew, agħar minn hekk, ħajjithom.

Sammut spjega li spezzjonijiet u ttestjar rigorużi fuq il-karozzi tal-linja mill-awtoritajiet kompetenti huma essenzjali u għandhom isiru b’mod regolari biex tkun żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri.

Investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet imqajma għandhom jitwettqu b’mod urġenti biex jiżguraw li l-pubbliku jista’ juża t-trasport pubbliku mingħajr biża’ u b’fiduċja sħiħa.

Mark Anthony Sammut sostna li hu d-dmir tal-Gvern li jiżgura li l-operaturi kkuntrattjati minnu jkunu qed jimxu skont il-liġi u l-ogħla standards ta’ sigurtà u servizz biex in-nies ikunu servuti bl-aħjar mod possibbli u mingħajr periklu.