Għal sena oħra ninsabu qrib l-istaġun tas-sajf u s-sitwazzjoni f’Kemmuna baqgħet waħda miżera. Ta’ kull sena nħarsu lejn dak li l-Gvern suppost qed jagħmel differenti biex iwaqqaf in-negliġenza u ħsarat li saru lill-ambjent fis-sjuf ta’ qabel, iżda jibqa’ l-fatt li l-Gvern jirrifjuta li jirranġa s-sitwazzjoni għax ma jimpurtahx mill-wirt naturali ta’ Kemmuna.
Hekk saħqu Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Eve Borg Bonello ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika u Alex Borg ix-Shadow Minister għal Għawdex fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista, waqt li komplew jgħidu li filwaqt li bil-kliem jissemma’ l-‘pjan’ għal Kemmuna, bil-fatti u fir-realtà, dan ifisser li sakemm il-Gvern jibqa’ jipposponi dan is-suppost ‘pjan’, Kemmuna tibqa’ fis-sitwazzjoni tal-lum: gżira mimlija skart fejn ma hemm l-ebda apprezzament lejn l-ambjent naturali u lok għal abbuż. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid pjan ħolistiku għal Kemmuna.
Fi stqarrija d-deputati spjegaw li meta mistoqsi u pressat fil-Parlament mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministru Clayton Bartolo ilu diversi snin jaħrab milli jagħti tweġibiet ċari billi ma jweġibx jew jgħid li l-informazzjoni mitluba hi ta’ natura kummerċjali sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Għalkemm l-istess Ministru Bartolo kien stqarr li Kemmuna mhix biss il-Bajja ta’ Bejn il-Kmiemen, Blue Lagoon, lanqas il-pjan li wiegħed għall-Blue Lagoon għadu ma daħal fis-seħħ. Aħseb u ara pjan ħolistiku li jiġbor fih miżuri għall-gżira ta’ Kemmuna kollha.
Il-poplu kif jista’ jemmen li l-Gvern għandu interess jirranġa s-sitwazzjoni f’Kemmuna? Min hu kaġun tal-problema, ma jistax isolviha.
//= $special ?>