Luke Sant-Berry, Senior Manager fl-Ispettorat tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), appella minn multa ta’ €200 wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li mar quddiem id-dar tal-eks kunjata tiegħu fin-Naxxar u beda jagħti bis-sieq fuq il-bieb tar-residenza tagħha. Huwa qed jiċħad li wettaq dan ir-reat u għalhekk ressaq appell fil-Qorti.
Berry li qed jikkontendi li huwa kellu dritt għall-aċċess ta’ ibnu wara ftehim bejn il-partijiet, aktar u aktar meta kien jum il-missier fil-ġurnata li ried jiġbor lil ibnu, qed jappella mis-sentenza permezz tal-avukat tiegħu Lennox Vella.
L-eks mara tiegħu, qed tikkontendi li binhom kien ma jiflaħx u għalhekk ma ngħatax aċċess għat-tifel, fejn hi qalet li minkejja dan, xorta waħda ppretenda l-aċċess tiegħu dakinhar, liema minuri kien fir-residenza tan-nanna fejn qed tgħix ukoll ommu.
F’kawża tad-Distrett, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, filwaqt kienet wissiet lil Sant-Berry dwar l-aġir tiegħu u l-konsegwenzi jekk dan l-aġir jiġi ripetut, qalet li ġie pprovat li l-imputat għamel madwar 20 minuta jħabbat mal-bieb u li waqaf biss għaliex marru l-Pulizija.
Huwa nstab ħati li volontarjament kiser l-ordni u l-paċi pubblika b’għajat u storbju. Dwar l-inċident, il-pulizija dakinhar kellmu lill-imputat. Luke Sant-Berry ta’ 33 sena u li joqgħod il-Mosta, ġie mmultat €200. Il-Qorti tal-Maġistrati ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks kunjata tiegħu, u dan biex fl-ebda ħin ma javviċinaha jew jagħmel kuntatt magħha.
Kienet l-istess omm l-eks raġel ta’ bintha li għamlet rapport fl-għassa tan-Naxxar fejn stqarret li fis-7 ta’ Gunju, 2023 għall-ħabta tas-6.15pm, l-akkużat kien mar quddiem ir-residenza tagħha fejn dan ħabbat fuq il-bieb bil-forza u li beda jagħti bis-sieq mal-bieb u li kien sar ħsara fuqu u fuq il-lock.
Fuq il-post tal-inċident kien hemm bintha u s-sieħeb tagħha. Meta mistoqsi, l-imputat qal li dakinhar tal-inċident kien il-week-end tal-father’s day u omm it-tifel bagħtitlu messagg li binhom ma jiflaħx. Qal li din mhux l-ewwel darba li ġrat u li kienu ftehmu quddiem il-medjatur u l-avukat tiegħu li kellu jieħu t-tifel.
Hu bagħtilha messaġġ lura “its not true, I’m coming as usual.” Imma omm it-tifel ma bagħtitlux lura. Għalhekk mar iħabbat il-bieb biex tiftaħlu u għamel xi kwarta fuq il-post. L-imputat dejjem ċaħad bil-qawwa kollha li ta daqqiet bil-forza fuq il-bieb ta’ barra tar-residenza u żied jgħid li wara li ġew il-Pulziija jkellmuh u talbuh jitlaq minn fuq il-post, huwa kien telaq.
Rigward dan ir-rapport, ġiet mitkellma wkoll omm l-imputat. Stqarret li hi kienet ipparkjata quddiem il-bieb ta’ omm l-eks mara ta’ binha minħabba li hi frekwentement tmur għat-tifel ta’ Luke. Qalet li mhux veru li binha Luke uża xi forza fuq il-bieb.
Fix-xhieda tagħha fil-Qorti, l-eks mara tal-imputat qalet li hi u l-akkużat jinsabu għaddejin minn proċeduri ta’ separazzjoni. Hi u t-tifel minuri jirrisjedu fir-residenza ta’ ommha. Ikkonfermat li hi u l-imputat għandhom ftehim bonarju bejn l-avukati dwar l-aċċess ta’ binhom.
Qalet li dakinhar it-tifel kien ilu minn filghodu ma jiflaħx u informat lill-imputat b’dan kollu u biex ma jmurx għall-aċċess dakinhar. L-imputat irrispondieha li mhux vera, li qed tigdeb u li kien se jdaħħal iċ-‘child protection services’ u hi ma risponditux.
“Għas-6:20pm nisimgħu l-bieb ta’ barra ta’ ommi jitriegħed bid-daqqiet ta’ sieq, daqqiet ta’ ponn u bdejt nibża’ li se jinfaqa’. Ħriġna nittawlu minn fuq il-bejt naraw lil Luke jissara u jagħti mal-bieb. Kien hemm ommu eżatt quddiem il-bieb tisstennieh ilesti.
“Kienet litteralment hemm, tħares lejh u jiena ċempilt lill-Pulizija biex jitneħħa minn fuq il-post għax konna jien, ommi il-‘partner’ tiegħi u żewġt it-tfal zgħar u bżajt,” qalet omm il-minuri. L-ewwel -Qorti qalet li l-imputat ġie akkuzat bi ħsara volontarja għal ħsara li tammonta għal aktar minn €250 izda anqas minn €2,500. L-allegat ħsarat saru meta l-imputat ħabbat fuq il-bieb ta’ barra tal-parte civile.
Il-ħsara stabbilita minn stima pprovduta tammonta għal total ta’ madwar €490. Il-Qorti qalet li l-akkużat wettaq xi ħsara mal-bieb u ma ġietx ipprovata. Dwar l-akkuża li volontarjament kiser il-paċi pubblika b’għajat u storbju, il-Qorti tikkunsidra li din ġiet ipprovata wara li l-imputat għamel madwar 20 minuta jħabbat mal-bieb ta’ barra tal-parte civile u li waqaf biss għaliex marru l-Pulizija.
Mill-provi jirriżulta ukoll li kien avżat permezz ta’ messaġġ, li t-tifel kien ma jiflaħx u li l-aċċess ma setax isir. Minkejja dan, l-imputat iddeċieda li dan mhuwiex minnu u mar xorta jħabbat mal-bieb ta’ barra għal ħin twil fuq il-bieb tar-residenza fejn kien jaf li kien hemm ibnu minuri.
Li l-imputat għamel dan il-ħin kollu jħabbat mal-bieb, huwa konfermat minnu stess u minn ommu. Dan l-aġir huwa ċensurabbli u ma għandux jirrepeti ruħu. Din l-akkuża ġiet ipprovata, iżda li qed tiġi kontestata fil-Qorti tal-Appell. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mallia filwaqt li l-Avukat Lennox Vella qed jidher għall-akkużat.
//= $special ?>