Lokali Parlament

Jeħtieġ dettalji dwar kif se jopera l-inċineratur fil-Magħtab


Claudette Buttgieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sosniet fil-Parlament li jeħtieġ dettalji dwar kif se jopera l-inċineratur fil-Magħtab u jekk l-iskart kimiku kollu hux se jintefa’ fih.


Claudette Buttigieg qalet li l-problema tal-ilma tal-pjan hi waħda kbira li mhijiex tkun trattata. Hi sostniet li għandha tinqata’ l-ħela, tkun ikkunsidrata t-tibdil fil-klima, l-istituzzjonijiet b’saħħithom u li l-poplu jaħdem flimkien anki internazzjonalment.


Id-deputat Nazzjonalista enfasizzat l-importanza tal-ESG fil-kumpaniji u qalet li jrid ikun hemm qbil fil-Parlament li l-iżvilupp sostenibbli mhuwiex kwistjoni tal-gvern biss iżda anki tas-soċjetà. Hi appellat biex il-pajjiz ikollu dixxiplina u biex ir-riċerka tkun utilizzata bl-aħjar mod.


Claudette Buttigieg tkellmet fuq l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart u dwar l-inċineratur fejn qalet li mhux bilfors hi kontra inċineratur għalkemm għandu jkun speċifikat jekk l-iskart kimiku hux se jittieħed kollu fl-inċineratur li se jsir fil-Magħtab. Id-deputat Nazzjonalista tkellmet fuq l-importanza ta’ studji dwar l-impatt ambjentali ta’ dan l-inċineratur.


Claudette Buttigieg tratta ukoll il-faqar u qalet li n-numru ta’ anzjani u persuni li jinsabu fil-faqar kiber b’mod qawwi. Hi tkellmet ukoll fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li huma element kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli u sostniet li jeħtieġ li anki l-Parlament ikollu investiment ikbar fir-riċerka.