Internazzjonali

Jibda l-ġuri internazzjonali dwar il-Panama Papers

Il-ġuri internazzjonali dwar l-iskandlu tal-Panama Papers fejn 27 persuna qed jiġu mixlija b’ħasil tal-flus, beda wara 8 snin.

Il-Panama Papers kienu jinkludu madwar 11-il miljun dokument li jikxu kif l-iktar nies sinjuri madwar id-dinja kienu jaħbu l-flus tagħhom f’kontijiet sigrieti biex b’hekk jevitaw it-taxxi. Fost is-27 persuna li qed jiġu akkużati, hemm sid il-kumpanija Mossack-Fonseka, li hija ditta legali li kienet fil-qalba ta’ dan l-iskandlu …u li mid-database tagħha ħarġu dawn id-dokumenti.

Meta dawn id-dokumenti kienu ġew mikxufa, ir-riperkussjonijiet kienu kbar hekk kif fost l-oħrajn il-Prim Ministru tal-Iżlanda kien irreżenja, u l-Prim Ministru tal-Pakistan kien ikkundannat 10 snin ħabs.

L-Avukati Jurgen Mossack u Ramòn Fonseca flimkien ma’ persuni oħrajn,  qed jiġu mixlija b’ħasil ta’ flus. Mossack wieġeb mhux ħati waqt li l-Avukat f’isem Fonseca qal li hu kien qiegħed l-Isptar.

Ir-rekords ta’ dawn id-dokumenti kienu ġew żvelati l-ewwel minn ġurnal Ġermaniż u sussegwentament dawn kienu ġew ippubblikati minn ġurnalisti investigattivi madwar id-dinja fl-2016.

F’Malta, kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li żvelat dan l-iskandlu.

Il-kumpanija Mossack Fonseca kienet irreġistrata mal-Malta Financial Services Authority, f’Mejju tal-2013.

Tliet snin wara, Caruana Galizia kienet kixfet kif l-Eks Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, kienu fetħu kumpaniji fil-Panama; eżatt wara l-elezzjoni ġenerali.

Apparti ż-żewġ kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi, kien hemm ukoll il-kumpanija Egrant u l-kumpanija 17 Black, ta’ Yorgen Fenech.

Id-dokumenti kienu jimplikaw aktar minn 100 politiku, inkluż kapijiet ta’ stat u gvernijiet ta’ dak iż-żmien, biljunarji, sportivi, u stilel mix-xena tal-ispettaklu.