Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Sigma Depiro u Hibernians jerbħu qabel il-konfront dirett

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Sigma Depiro…………………..80

Athleta AtoZ Electronics…60

(20-17)(22-13)(19-14)(19-16)

Sigma Depiro għelbu lil Athleta AtoZ Electronics 80-60 biex komplew fil-ġlieda tagħhom għar-raba’ post tal-klassifika. Athleta minn naħa tagħhom huma diġa ċerti minn post fil-play-offs u l-coach Christos Kousidis ħa l-okkażjoni biex jagħti aktar ħin lil players ta’ fuq il-bank. Ħtija wkoll tad-diversi players nieqsa fosthom Naz Buhagiar, Luca Stefanovic, Ryan Abela u l-Amerikan Dajuan Moorer. Il-partita bdiet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin għalkemm Depiro kellhom it-trippli minn Andrew Aquilina u Sean Galea għal skor ta’ 10-10. Depiro komplew b’sitt punti mingħajr risposta qabel ma Athleta kellhom il-punti ta’ Malik Riddle fosthom trippla għal skor ta’ 20-17. Depiro fetħu t-tieni taqsima bill-punti minn Kameron Rooks iżda Athleta wieġbu permezz ta’ Riddle u Piotr Stelmach biex naqqsu d-distakk għal basket 21-23. Depiro kellhom break ta’ 12-3 b’aktar punti minn Rooks u Cameron Cornelius u kabbru l-vantaġġ għal 16 -il punt. Wara risposta minn Athleta permezz ta’ Matthew Gouder u trippla ta’ Theodoros Chatzimoysis li rritorna wara diversi partiti, Depiro għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Nikola Bozovic u basket ta’ Cornelius għal skor ta’ 42-30.

Wara l-intervall, Depiro ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 9-0 li bdewha bi trippla ta’ Bozovic u fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 51-30. Wara kważi erba’ minuti waslet ir-risposta ta’ Athleta permezz ta’ Riddle li għamel sitt punti konsekuttivi flimkien maż-żagħżugħ Andrej Bozanic. Wara li Depiro għamlu 5 punti, reġa’ kien Bozanic li għamel żewġ trippli għall-Athleta li naqqsu d-distakk għal 17 -il punt 61-44. Athleta fetħu l-aħħar taqsima bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Riddle biex waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod. Depiro rkupraw wara time-out fosthom bi trippla ta’ Bozovic hekk kif għaqqdu run oħra ta’ 9-3 u żammew kontroll tal-partita sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 80-60.

SIGMA Depiro: S, Galea 6, L. Trapani, N. Bozovic 9, A. Aquilina 3, A. Hollins 2, A. Micallef, K. Rooks 29, M. Brincat 4, M. Mallia 4, C. Cornelius 19, N. Bukva 4, M. Debattista.

Athleta: M. Riddle 32, F. Mifsud Bonnici 2, M. Gouder 1, E. Abela, P. Stelmach 10. T. Chatzimoysis 3, A. Bozanic 10, A. Garzia, J. Cefai 7.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Fanni Fabok

Mellieħa Libertas Spalding……..77

Hibernians……………………………….80

(21-20)(22-20)(21-22)(13-18)

Hibernians wieġbu għar-rebħa ta’ Depiro b’rebħa mportanti kontra Mellieħa Libertas Spalding biex baqgħu fuq l-istess Depiro fil-klassifika ġimgħa qabel il-konfront dirett tal-Ħadd li ġej li għandu jagħti stampa ċara għal kumplament tal-istaġun. Mellieħa kienu mingħajr Vukassin Jandric għalkemm irkupraw lil David Bugeja fil-waqt li Hibs tilfu lil Nick Brennen sospiż fuq każ ta’ doping. L-Amerikan Keith Charleston kellu wirja posittiva b’27 punt u 13 -il rebound fil-waqt li kien hemm 22 minuta għal Stefan Simic. Kienu Mellieħa li kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta għamlu run ta’ 12-2 li bdewha bi trippla ta’ Corrado Mercurio u l-punti ta’ Alex Peacock li wkoll għamel trippla. Ir-risposta ta’ Hibs bdiet bi trippla ta’ Charleston u l-punti ta’ Paul Attard. Mellieħa reġgħu kabbru l-vantaġġ wara punti minn Tederick Wolfe però żewġ three pointers minn Matthew Attard u Luke Farrugia raw lil Hibs jagħmlu l-iskor indaqs 16-16. Sa’ tmiem is-sessjoni kiien hemm botta u risposta fosthom trippla ta’ Robert Bonnici għal skor ta’ 21-20. Mellieħa fetħu t-tieni perjodu b’żewġ trippli minn Peacock u Bonnici però Hibs irrispondew permezz ta’ Demcesen u Charleston biex f’nofs is-sessjoni marru erbgħa minn fuq 35-31. Mellieħa rkupraw u għamlu break ta’ 10-2 bi trippla ta’ Bugeja biex daħlu jistrieħu 43-40 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Peacock qabel ma Charleston għamel 8 punti konsekuttivi. Mill-ġdid kienu Mellieħa li għamlu disa’ punti oħra biex marru 8 minn fuq 56-48. Charleston kompla għaddej bit-trippli flimkien ma’ Demcesen u trippla ta’ Farrugia fl-aħħar 5 sekondi naqqset id-distakk għal basket 64-62. Fl-aħħar sessjoni Hibs kellhom mument stupend bi break ta’ 13-0 bi tlett trippli wara xulxin minn Charleston u Matthew Attard. Mellieħa dehru maħsuda però rnexxielhom jagħmlu break ta’ 11-3 biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 75-78. Fl-aħħar minuta u nofs, Hibs kienu għadom 3 minn fuq però Mellieħa ma rnexxielhomx jerġgħu jsibu l-basket biex Hibernians ħarġu rebbieħa 80-77.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 17, D. Bugeja 9, R. Bonnici 8, I. Bonett 4, R. Carabott, A. Peacock 24, K. Thompson 9, E. Valdespina, C. Mercurio 6.

Hibernians: K. Charleston 27, P. Attard 5, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 8, A. Axiaq 11, R. Aquilina, M. Attard 11, I. Demcesen 18, S. Simic.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi

Starlites JSD…………………117

Valletta Fighters……………76

(32-26)(23-15)(29-10)(28-17)

Ic-champions Starlites JSD approfittaw mit-telfa ta’ Mellieħa u reġgħu jinsabu f’posizzjoni li jieħdu l-ewwel post tal-klassifika. Huma għelbu lil Valletta Fighters 117-76 minkejja li kienu mingħajr l-Amerikan Christian Hinckson. Is-sitwazzjoni ta’ Valletta wkoll ma kienitx xi waħda feliċi bil-coach Harry Savaya indispost għal raġunijiet familjari u kienu nieqsa wkoll players bħal Davide Bellinzona, Julian Wait u Andy Attard fil-waqt li l-Amerikan Desuan Mattox jidher li ġie rilaxxat. Il-partita kellha bidu mill-aqwa f’sessjoni li offriet xejn anqas minn 58 punt fejn l-attakk spikka fuq iż-żewġ naħat. Fost dawn kien hemm sensiela ta’ trippli minn Matthew Scerri u Davonte Craven għal Starlites u Neil Cassar għal Valletta. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u wara trippla ta’ Alec Felice Pace, ħames punti minn Cassar poġġew lil Valletta fuq quddiem 12-8. Starlites wieġbu bi break ta’ 11-0 però Valletta baqgħu viċin bi tlett trippli ta’ Cassar bit-taqsima tagħlaq bi skor għoli ta’ 32-26 favur Starlites. Valletta naqqsu d-distakk fil-bidu tat-tieni sessjoni b’basket ta’ Lisondra qabel ma Starlites għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta. Lisondra u Cassar reġgħu wieġbu għal Valletta flimkien ma’ trippla ta’ Ulhas Satyanaroyan qabel ma Starlites kellhom run ta’ 8-2 biex daħlu jistrieħu 60-43 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 11-0 b’baskets minn Scerri u Craven. Satyanaroyan waqqfilhom ir-run qabel ma Kurt James u Craven kellhom aktar punti għal Starlites. Cassar u Matthew Attard kellhom trippla kull wieħed u ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għal skor ta’ 89-59. Fl-aħħar taqsima kien hemm aktar spazju għal players żgħażagħ ta’ Starlites bħal Kai Fabri, Sean Aquilina u Neil Sultana hekk kif huma għaqqdu l-mitt punt permezz ta’ Scerri fil-ħames minuta f’run oħra ta’ 8-0. Valletta kellhom l-aħħar punti minn Ruben Curmi u Matthew Farrugia bi Starlites jagħlqu l-partita bi trippli ta’ Aquilina u Craven biex ħarġu rebbieħa 117-76.

Starlites JSD: A. Felice Pace 7, M. Attard 20, S. Aquilina 5, I. Felice Pace, M. Fabri 4, K. Fabri, M. Scerri 20, D. Craven 38, L. Farrugia, L. Riolo 2, N. Sultana 2, K. James 19.

Valletta Fighters: N. Da Silva 2, S. Saakian 4, R. Curmi 6, M. Farrugia 2, F. Lisondra 12, U. Satyanarayan 19, N. Cassar 31.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Gianfranco Russo.