Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life: Nisa Żewġ rebħiet kbar fil-bidu tar-raba’ round

(Ritratt: Stepehn Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians……..41

Starlites JSD……84

(11-20)(8-21)(7-21)(15-22)

Starlites kellhom rebħa komda kontra Hibernians 84-41 biex saħħew l-ewwel post tal-klassifika. Hibs kienu mingħajr l-Amerikana Lyndsey Whilby fil-waqt li Starlites kienu bl-iskwadra kompluta tagħhom. Din il-partita serviet biex il-coach Fatih Dedelioglu jagħti ħin fuq il-court lil diversi players żagħżagħ. Il-coach ta’ Hibs Sandro Farrugia wkoll uża l-players kollha hekk kif l-istaġun tagħhom qiegħed joqrob lejn it-tmiem. Starlites fetħu bil-punti ta’ Paige Cannon li fost l-oħrajn kellha trippla u komplew bo break ta’ 5-0 bil-punti ta’ Christina Curmi, Mikela Riolo u Cannon. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Marie Buhagiar u basket minn Jasmine Abela u naqqsu d-distakk għal punt 9-10. Hawn Starlites għamlu 10 punti mingħajr risposta b’żewġ trippli ta’ Riolo għal skor ta’ 20-11. Fit-tieni perjodum Starlites komplew iżidu l-vantaġġ wara trippla ta’ Steffi De Martino fi break qasir ta’ 7-2. Wara basket ieħor minn Agius għal Hibs kien hemm run ta’ 14-2 kollha minn De Martino u Cannon biex daħlu jistrieħu 41-19.

Wara l-intervall kien hemm basket fuq kull naħa minn Curmi u Buhagiar. Wara xi ħin mingħajr baskets, De Martino kellha trippla oħra għal Starlites flimkien ma’ aktar punti minn Cannon u Michela Zammit Cordina b’din tal-aħħar tuża din il-partita bħala prova fiżika qabel il-finali deċisiva tal-kampjonat ta’ taħt it-23 sena. L-aħħar punti tat-taqsima ġew minn Cannon u Chaterine Cilia għal Starlites li temmewha 62-26 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita u serviet biss biex il-coaches idawwru l-players fuq il-court. Fost dawn kien hemm Cilia li approfittat minn dan iċ-ċans u għamlet total ta’ 10 punti. Hibs kellhom it-trippli ta’ Agius u Amy Mallia hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 84-41.

.

Hibernians: M. Buhagiar 12, E. Farrugia 2, F.Fabok, I. Agius 11, J. Abela 2, B. Agius, K. Calleja 4, J. Gauci, A. Mallia 3, J. Dabic 7.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 2, M. Riolo 17, A. Saliba, E. Degiorgio, M. Bonett, S. De Martino 14, P. Cannon 30, P. Riolo 4, M. Fenech 2, C. Cilia 12, C. Vella, C. Curmi 3.

Referees: Nicky Azzopardi, Nelson Da Silva

Fusion Quest…………………33

Caffè Moak Luxol…………..92

(8-30)(7-19)(6-23)(12-20)

Caffè Moak Luxol għelbu lil Fusion Quest 92-33 f’dik li kienet is-sitt rebħa minn sitt partiti kontra l-istess avversarji. It-team ta’ Fusion kellhom xi players ġodda għal din il-partita minkejja li jinsabu lejn tmiem l-istaġun tagħhom u bdew jaħsbu għal dak li ġej. Luxol kienu mingħajr Josephine Diaby, Shanice Farrugia u Sarah Fenech Pace. Wara li Luxol għamlu l-ewwel seba’ punti tal-partita minn Mandi Mercieca u Tayler Bennett, Fusion kellhom trippla minn Nicole Vella. Luxol komplew bi break ta’ 10-2 b’punti minn Lisa u Anna Fenech Pace bi Fusion jwieġbu bi trippla ta’ waħda mid-debuttanti Camilla Londono. Luxol għalqu t-taqsima bi break ta’ 15-0 bi trippla ta’ Bennett u punti minn Mercieca u l-aħwa Fenech Pace għal skor ta’ 30-8. Fit-tieni taqsima kien hemm erba’ punti fuq kull naħa qabel ma Luxol kellhom break ta’ 11-0 bi trippla ta’ Jada Said u l-punti ta’ Vanya Baldacchino u Sarah Sciberras biex daħlu jistrieħu 49-15 minn fuq.

Wara l-intervall, kien hemm trippla ta’ Nicole Caruana għal Fusion u l-punti ta’ Julia Schembri u Vella. Madankollu, Luxol baqgħu jiddominaw hekk kif reġgħu għamlu run oħra ta’ 15-0 bi trippla ta’ Baldacchino u baskets minn Michela Marmara u Ella Abela għal skor ta’ 72-21. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita u kienet l-aktar waħda li fiha Fusion għamlu l-punti fosthom żewġ baskets minn Noura Halbie u tlieta ta’ Vella. Għal Luxol kien hemm fost l-oħrajn it-trippli ta’ Hayley Galea u Baldacchino hekk kif huma ħarġu rebbieħa 92-33.

Fusion Quest: C. Londono 5, J. Schembri 2, N. Caruana 5, N. Halbie 4. M. R. Opauska, N. Vella 13, N. Montalvo 5.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 7, M. Mercieca 7, L. Fenech Pace 6, H. Galea 9, E. Abela 10, M. Camilleri, J. Said 5, V. Baldacchino 25, S. Sciberras 8, M. Marmara 3, A. Fenech Pace 12.

Referees: Luis Massouf, Gianfranco Russo.