Basketball Sport

Kampjonat St. James Hospital Nisa U/19: Luxol Bolt jieħdu l-ewwel vantaġġ

Luxol Bolt………………..45

Starlites Blue…………..28

(9-12)(5-5)(18-4)(13-7)

Luxol Bolt fetħu l-finali b’rebħa fuq Starlites Blue 45-28 biex żammew l-imbattibilita tagħhom f’din il-kategorija u issa jinsabu rebħa ‘l bogħod mir-rebħ tal-kampjonat. Ankè f’din il-kategorija nsibu players li jilgħabu wkoll fil-kampjonat nazzjonali. Luxol taħt it-tmexxija tal-coach Roderick Vella kellhom żewġ elementi mportanti nieqsa Sarah Fenech Pace u Shanice Farrugia u kellhom jistennew sat-tielet taqsima biex jibnu vantaġġ sod li żammew sat-tmiem. Il-partita fetħet b’diversi free-throws fuq iż-żewġ naħat wara diversi fouls fl-ewwel minuti. L-ewwel punti minn azzjoni ġew minn trippli ta’ Anna Fenech Pace u Vanya Baldacchino għal Luxol. Starlites kellhom sitt punti mingħajr risposta fosthom żewġ baskets ta’ Catherine Vella biex temmew l-ewwel sessjoni 12-9 minn fuq. Fit-tieni perjodu kien hemm diversi turnovers fuq iż-żewġ naħat tant li l-punti naqsu drastikament. Luxol kellhom il-punti ta’ Ella Abela u Lisa Fenech Pace fil-waqt li Starlites wieġbu permezz ta’ Mariah Fenech, Ylenia Ferrando u Andie Saliba biex baqgħu fuq quddiem 17-14.

Fit-tielet taqsima, Saliba kabbret il-vantaġġ ta’ Starlites però Luxol kellhom trippla minn Jada Said u basket ieħor minn L. Fenech Pace biex ippareġjaw il-partita 19-19. Wara basket ieħor ta’ Saliba, li kien l-aħħar wieħed ta’ Starlites f’din it-taqsima, Luxol għamlu run ta’ 13-0 bil-punti tal-aħwa Fenech Pace flimkien ma’ Michela Marmara u Sarah Sciberras għal skor ta’ 32-21. Fl-aħħar taqsima Said kellha trippla oħra biex il-vantaġġ ta’ Luxol kiber għal 17 -il punt 40-23. Starlites kellhom punti minn Saliba u Lexi De Martino però Luxol kellhom vantaġġ komdu biex ħarġu rebbieħa 45-28.

Luxol Bolt: G. Carabott, R. Fenech Pace, S. Sciberras 2, L. Fenech Pace 14, M. Marmara 2, J. Said 8, E. Abela 10, V. Baldacchino 4, C. Schembri, A. Fenech Pace 5.

Starlites Blue: A. Saliba 11, P. Riolo 1, M. Majkowska, N. Baldacchino, Y. Ferrando 4,  C. Vella 5, M. Fenech 5, M. Sciberras, F. Vella, L. Zammit, L. De Martino.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nelson Da Silva