Lokali

L-Amerika, il-Kanada u l-Messiku jesperjenzaw eklissi solari

Malta meta se tkun qed tesperjenza dan il-fenomenu?

Ilbieraħ, l-Amerikani setgħu jgawdu l-fenomenu msejjaħ eklissi solari li kien wieħed totali; fenomenu li huwa pjuttost rari tant li jdum biex iseħħ għal snin sħaħ u jidher biss f’partijiet żgħar tad-dinja.

L-eklissi dehru l-Amerika, il-Kanada u l-Messiku fejn għexieren ta’ persuni ħarġu fil-beraħ biex jaraw dan il-fenomenu jseħħ quddiem għajnejhom.

Eklissi solari totali jseħħ meta l-qamar jgħaddi eżatti bejn id-dinja u x-xemx b’riżultat li ma jħallix id-dawl tax-xemx jasal sad-dinja, b’parti żgħira mid-dinja li tispiċċa f’ċappa dlam bħallikieku jkun bil-lejl anke jekk ikun f’nofs ġurnata.

Fenomenu li huwa pjuttost rari tant li f’pajjiżna baqgħalna s-snin biex nesperjenzawh. Fil-fatt, l-eklissi solari totali mistenni jsir fil-21 ta’ April tal-2088.

Fis-snin ferm iktar qrib, f’Malta mistennija nesperjenzaw eklissi lunari totali fis-7 ta’ Settembru tal-2025. Daqs ħames snin wara, fl-1 ta’ Ġunju tal-2030 se jkun hawn eklissi solari annulari, li tfisser meta l-Qamar jgħaddi bejn ix-xemx u d-dinja u jkun fil-punt l-aktar ‘il bogħod mid-dinja, jew l-oppost, l-iktar qrib tiegħu.