Simon Harris, sa ftit ilu l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, kien elett Prim Ministru ta’ pajjiżu wara vot fil-parlament ta’ Dublin – u meta hu konfermat ukoll bħala l-iżgħar mexxej fl-istorja tal-Irlanda, fl-età ta’ 37 sena.
Harris qed jieħu r-riedni tal-Gvern ta’ koalizzjoni magħmul minn tlett partiti wara r-riżenja, ix-xahar li għadda, tal-eks Prim Ministru Leo Varadkar. Dan ukoll meta Harris kien l-uniku kandidat biex jilħaq minflok Varadkar bħala l-Kap tal-Partit Fine Gael taċ-ċentru-lemin.
Id-deputati fid-Dail, il-kamra t’isfel tal-Assemblea f’Dublin, ikkonfermaw lil Harris bħala Prim Ministru bi 88 vot kontra 69 — u meta hu, issa, qed jiffaċċja numru ta’ sfidi relatati mas-servizzi tas-saħħa u l-prezzijiet tal-housing li sparaw ‘il fuq fl-Irlanda b’mod kważi insostenibbli.
Problema oħra hi l-eżodu tad-deputati tal-Fine Gael, b’ ‘il fuq minn għaxar deputati tal-partit jikkonfermaw li mhumiex se jikkuntestaw l-elezzjoni li jmiss.
Sadanittant, Simon Harris qed jippjana biex il-Gvern ta’ koalizzjoni – li minbarra l-partit tiegħu jinkludi anki lill-Partit Fianna Fail u l-Partit tal-Ħodor – jibqa’ effettiv sa Marzu tal-2025 meta suppost issir l-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-Irlanda. Madankollu, il-partiti Irlandiżi fl-Oppożizzjoni huma tal-fehma li l-poplu jixraqlu l-opportunità biex jivvota mill-ġdid f’elezzjoni bikrija.
//= $special ?>