Lokali

Lejn l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li ġej

Temi ta’ natura importanti sabiex l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej ikunu ta’ suċċess, kienu diskussi f’laqgħa li saret għall-Kunsillieri u l-kandidati tal-PN għall-elezzjonijiet tal-kunsilli Lokal. Preżenti għal din il-laqgħa fid-Dar Centrali kien hemm ukoll rappreżentanti tal-Kumitati Sezzjonali minn diversi lokalitajiet.

Matul din il-laqgħa ġie spjegat fiex waslu l-preparamenti għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, filwaqt li dawk preżenti kellhom l-opportunità jiddiskutu l-ħidma li hemm bżonn issir f’dawn ix-xahrejn.

L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex se jsiru fit-8 ta’ Ġunju – mal-votazzjoni għall-Parlament Ewropew.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Micheal Piccinino, li irrefera għad-diskors li għamel il-Ħadd il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech  fejn tkellem dwar l-importanza li kulħadd isemma’ leħnu bil-vot tiegħu.

Michael Piccinino fisser kif il-Partit Nazzjonalista għamel differenza kbira fil-lokalitajiet, u din id-differenza pożittiva tista’ tkompli tissaħħaħ jekk kulħadd joħroġ jivvotta fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju lill-Partit Nazzjonalista li jagħti garanzija ta’ ambjent aħjar u li r-residenti jiġu tassew l-ewwel.

Chris Said, ix-Shadow Minister għall-Gvern Lokali, spjega li l-elezzjonijiet ta’ Ġunju se jkunu  opportunità biex in-nies jeliġġu lil min iridu li  jirrappreżenthom – u jekk ikun hemm minn ma jivvutax, ħaddieħor jispiċċa jivvota għalih.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Campaign Manager Karl Gouder, id-Direttur tal-ELCOM Alex Vassallo, kif ukoll Charles Bonello, koordinatur tal-PN għall-Kunsilli Lokali.