Internazzjonali

ll-klima: Sħana rekord għal Marzu…bid-dinja tavviċina kundizzjonijiet imprevdibbli ‘u x’aktarx insostenibbli’

Ix-xjenzati u esperti oħrajn huma mħassbin ħafna dwar l-aħħar xejriet fil-klima li jistgħu qed javviċinaw sitwazzjonijiet ta’ sħana – flimkien mad-diżastri naturali relatati — li d-dinja qatt qabel ma għaddiet minnhom.

Fil-fatt, l-esperti, illum, mhumiex ċerti dwar l-impatt tal-global warming għad-dinja matul is-snin li ġejjin u meta issa magħruf li t-tbassir speċifiku dwar ix-xejriet fil-klima matul l-2023 kellu jfalli b’mod drammatiku.

U minħabba l-fatt li l-istatistika preċedenti  dwar il-klima kienet ‘‘il bogħod milli preċiża’, ix-xjenzati, illum, qegħdin jaħsbu li hi ferm aktar diffiċli għalihom biex jagħmlu pronostiku ‘aċċettabbli’ dwar il-ġejjieni.

L-inkwiet qed jiżdied  wara li l-aħħar data konfermat li fix-xahar ta’ Marzu kienu reġistrati l-ogħla livelli tas-sħana għal dak il-perjodu tas-sena fiż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords.

Għaldaqstant, id-dinja, ‘il quddiem, kapaċi tara ‘l-fenomini tat-temp’ li bilkemm setgħu jbassru x-xjenzati sa ftit snin ilu u dment li t-temperaturi ma jonqsux sal-aħħar tas-sena.

Ir-rekord tas-sħana għax-xahar ta’ Marzu kien l-għaxar wieħed konsekuttiv irreġistrat għall-aħħar għaxar xhur konsekuttivi….Xejra li żiedet bil-kbir it-tħassib li l-bidliet fil-klima kapaċi, ‘il quddiem, jevolvu b’mod ħafna aktar rapidu milli qatt ħasbu x-xjenzati.

U skont is-Servizz ta’ Copernicus li janalizza l-bidliet fil-klima, ix-xahar li għadda rreġistra livell tas-sħana indikat bħala 1.68 gradi Celsius ogħla minn tax-xhur ta’ Marzu kollha qabel il-bniedem beda jaħraq l-ammon ti kbar tal-fossil fuels.

Il-fenomenu tat-temp magħruf bħala El Niño kien parti mir-raġuni għal-livelli għoljin tas-sħana tal-aħħar xhur.

Għaldaqstant, jekk id-dinja, sal-aħħar tas-sajf, tibqa’ tirreġistra t-temperaturi tas-sħana rekord minn xahar għal xahar, l-umanità x’aktarx li tassew ikollha tiffaċċja realtà ġdida, inkwetanti u imprevedibbli, fost il-problemi li għandhom jaffettwaw il-ħajja ta’ kulħadd fi kwalunkwe kontinent tad-dinja.