Lokali Parlament

Malta aċċettat id-dritt ambjentali fuq livell internazzjonali iżda mhux fuq livell lokali


Darren Carabott, PN


Id-deputat Nazzjonalista qal fil-Parlament li Malta aċċettat li taqbel mad-dritt ambjentali fuq livell internazzjonali iżda fuq livell lokali dan id-dritt ma jeżistix.


Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li jidher li hawn qbil li l-ambjent Malti jingħata prijorità u sostna li l-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem sabet li l-awtoritajiet Żvizzeri qed jiksru d-drittijiet tal-bniedem għaliex ma ħadux azzjonijiet biżżejjed biex jikkontrollaw l-emissjonijiet. Meta ma jkunx hemm żvilupp sostenibbli, kulħadd ikun effettwat.


Darren Carabott semma’ diversi problemi f’Malta fosthom is-saħħa u s-sigurtà, nuqqas ta’ spazju hi problema, nuqqas ta’ arja nadifa, problemi ta’ saħħa mentali, problema ta’ nuqqas ta’ ilma u nuqqas ta’ produzzjoni tal-ikel. Il-PN ressaq diversi proposti quddiem dawn il-problemi fosthom li mad-drittijiet fundamentali tal-Maltin u l-Għawdxin għandu jiżdied l-ambjent nadif, san u sostenibbli.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan id-dritt diġà jeżisti f’pajjiżi oħra iżda mhux f’Malta u appella biex il-gvern iressaq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għaliex din il-mozzjoni għandha bżonn iż-żewġ terzi tad-deputati fil-Parlament.


Darren Carabott kompla li dan ifisser li kull ċittadin għandu dritt li jieħu passi kontra l-Istat meta jinkisrulu d-drittijiet ambjentali tiegħu. Dan l-abbozz ilu minn Ġunju 2023 biex jitressaq mill-gvern fil-Parlament.