Lokali Qorti

Miċħuda t-talba biex ma jinfetħax l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema

Bħalma ġara fl-aħħar snin, il-Qorti ma laqgħetx talba tal-Birdlife Malta biex ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema. Din id-deċiżjoni tal-Qorti preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, tfisser li l-kaċċaturi jistgħu joħorġu għall-kaċċa kemm għas-summien u kemm għall-gamiem.

Fit-3 ta’ April li għadda, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet laqgħet b’mod proviżorju mandat ta’ inibizzjoni mitlub minn Birdlife Malta kontra l-Ministeru ta’ Għawdex biex ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema għax sostniet li hija speċi vulnerabbli u li n-numru ta’ dawn l-ispeċi dejjem qed jitnaqqar.

Il-Birdlife kienet qed tikkontendi li l-Qorti kellha twaqqaf lill-Gvern milli jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis u ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiema għax hija speċi vulnerabbli. L-Imħallef Depasquale qal fid-digriet tiegħu, li din hija t-tielet sena konsekuttiva li Birdlife Malta talbet dan it-tip ta’ mandat b’argumentazzjoni simili.

Ingħad li mid-dokumentazzjoni prodotta, ma jidher minn imkien illi b’xi mod kien hemm xi tibdil sostanzjali ta’ ċirkostanzi li b’xi mod jistgħu jwasslu lill-Qorti għal deċiżjoni differenti minn tas-snin preċedenti.

Il-Qorti qalet li jirriżultalha li l-Wild Bird Regulation Unit għamlet rapport dettaljat u studjat tajjeb ħafna li ġie kkunsidrat u diskuss waqt il-laqgħat tal-Kumitat Ornis u li eventwalment wassal sabiex tittieħed id-deċiżjoni aħħarija sabiex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-sena 2024 b’varji limitazzjonijiet imposti.

L-Imħallef tenna li l-Għaqda ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-Wild Bird Regulation Unit, u għalhekk dehrilha li kellha tiskarta totalment il-konklużjonijiet milħuqa u tagħmel il-Mandat għax, skont hi, fil-preżent hemm ċirkostanzi differenti.

L-Imħallef Depasquale qabel mas-sottomissjonijiet magħmula mill-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti, fejn ġie osservat li, minkejja li Birdlife Malta, kif ukoll entitajiet oħra, jikkontendu li t-telf tal-gamiem huwa attribwibbli, fost affarijiet oħra, għall-qtil ta’ tali għasafar waqt il-vjaġġ migratorja tagħhom mill-Afrika lejn l-Ewropa, hija ferm diffiċli li jitqies li hija proprja l-kaċċa fil-ġimagħtejn ta’ April fuq il-gżira ċkejkna ta’ Malta.

Hawn huwa permess jinqabdu sa massimu ta’ 1,500 gamiema fuq medda ta’ 14-il ġurnata, li hija l-kawża prinċipali tat-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-gamiem fl-Ewropa u fid-dinja, kif donna qiegħda tinsisti l-Għaqda Birdlife.

It-talba ta’ BirdLife Malta biex jinħareġ Mandat ta’ Inibizzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li aktar evidenza xjentifika riċenti qed tkompli turi li l-popolazzjonijiet tal-gamiema qed ikomplu jonqsu, u anke għax ir-rakkomandazzjoni biex jinfetaħ staġun fuq din l-ispeċi qed issir fuq rapport tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) li fost diversi suppożizzjonijiet, huwa xjentifikament skorrett meta jassumi li l-maġġoranza tal-gamiem li jpassi minn fuq Malta joriġinaw minn popolazzjonijiet li huma stabbli, meta l-ispeċi hija red-listed bħala vulnerabbli u qed tonqos fl-Ewropa.