Lokali

“Minflok jindirizza l-problemi li hemm fis-settur tal-kostruzzjoni u jimplimenta l-Inkjesta Pubblika, il-Gvern iżid il-burokrazija bla bżonn” – PN

Ir-riżenja tal-Perit Robert Ellul Sciberras minn fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bir-raġunijiet mogħtija għall-istess riżenja, huma konferma oħra ta’ dak li ilu jinsisti fuqu l-Partit Nazzjonalista.

Hekk sostna Stanley Zammit ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, waqt li kompla jgħid li l-Gvern Laburista, għaliex ma kellux u ma għandux l-ebda pjan għas-settur tal-kostruzzjoni u għax beża’ li dan u l-inkompentenza tiegħu joħorġu fil-beraħ, ivvota kontra l-Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Zammit qal li issa, minflok jindirizza l-problemi li hemm fis-settur tal-kostruzzjoni u jimplimenta dak li tgħid l-Inkjesta Pubblika, qed iżid il-burokrazija bla bżonn. Dan minkejja li r-rapport tal-Inkjesta kien ċar meta indika “comedy of errors” u nuqqas serju ta’ “rieda politika li tissarraf fl-infurzar tal-liġijiet billi l-entitajiet pubbliċi jingħataw il-mezzi u n-nies sabiex dan ikun jista` jsir”.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jinża s-suppervja li għandu, jikkonsulta u jisma’ bis-serjetà lis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li joħroġ bi pjan ħolistiku, serju, maqbul, ċar u trasparenti.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal riformi konsistenti u gradwali mingħajr lappazzar, skossi u burokrazija żejda biex tkun immodernizzata l-industrija tal-kostruzzjoni, titnissel il-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija, jitnaqqsu l-ispejjeż u jkollna serħan il-moħħ, ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar.